Internazzjonali

L-għargħar fil-Libja: In-neqsin ‘effettivament’ bdew jingħaddu mal-vittmi

L-awtoritajiet għall-emerġenzi fil-Libja, bil-mod il-mod, qed jaqtgħu qalbhom li jsibu aktar ħajjin qalb medda ta’ territorju meqruda mill-għargħar taż-żewġ digi li, jiem ilu, krollaw taħt il-qilla tal-Maltempata Daniel.

U skont l-Uffiċċju tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Koordinazzjoni ta’ Missjonijiet Umanitarji, l-ammont uffiċjali tan-neqsin fl-għargħar qabeż sew l-10,000 – b’diversi sorsi diġà, effettivament, qed iżidu dawn l-eluf mat-12,500 mejtin ikkonfermati mill-awtoritajiet Libjani.

Sadanittant, l-Organizzazzjoni tar-Red Crescent – il-fergħa Musulmana tas-Salib l-Aħmar – ukoll qed tagħmel il-kalkoli tal-vittmi li mhumiex mistennija ivarjaw wisq minn tal-awtoritajiet Libjani u l-gruppi ta’ fejda li qegħdin jaslu f’ Derna; il-belt li ġarrbet l-agħar impatt mill-għargħar tal-aħħar jiem.

U waqt li ċ-ċifra finali tal-vittmi għandha ddum biex tkun ikkonfermata, ħadd mhu qed jiddubita l-iskala ta’ din il-katastrofi storika għal-Libjani.

Il-proċess tal-identifikazzjoni tal-vittmi elevati mit-tajn u t-tifrik tal-bini hu fattur ieħor ta’ swied il-qalb kbir u fejn fost oħrajn qegħdin jittieħdu s-swabs mill-katavri biex jgħinu f’din il-ħidma.

Filwaqt li l-għajnuna — fuq skala internazzjonali – qed tkompli tasal minn barra, il-Ministeru għas-Saħħa tal-Gvern Libjan tal-Lvant ikkonferma li ħames ħaddiema tal-għajnuna Griegi, fl-aħħar sigħat, tilfu ħajjithom f’inċident waqt li fi triqthom lejn Derna.

Dan meta x-xarabank li kienu qed jivvjaġġaw fih ħabat ma’ karozza fil-limiti ta’ din il-belt u fejn mietu wkoll tliet membri ta’ familja Libjana. Fl-inċident indarbu ħmistax oħra, bir-rapporti jgħidu li l-grupp ta’ ħaddiema kien fi triqtu biex jissieħeb mal-iskwadri għall-emerġenzi oħrajn li kienu waslu fil-Libja minn Franza u l-Italja.