Ħames ċittadini tal-Istati Uniti li kienu ilhom is-snin miżmuma taħt priġunerija fl-Iran bħalissa jinsabu fi triqthom lura lejn pajjiżhom.
Dan qed isir bħala parti minn skambju ta’ priġunieri bejn l-Istati Uniti u l-Iran, bl-Amerikani, fl-aħħar sigħat, jaslu fil-Qatar bħala l-ewwel fażi tal-vjaġġ u waqt l-ewwel sigħat tal-libertà.
Iżda waqt li xi sorsi u osservaturi qed jgħidu li ż-żewġ pajjiżhom għandhom ikunu kuntenti bl-iżviluppi, numru ta’ deputati Repubblikani f’Washington, flimkien mal-attivisti favur il-libertà fl-Iran, qegħdin jikkundannaw il-ftehim li, fi kliemhom, għandu jinkorraġġixxi aktar ħtif ta’ ostaġġi mill-fundamentalisti f’Tehran.
Il-ħamsa huma anki fil-pussess ta’ passaporti tal-Iran u – minkejja dan il-mument rari ta’ kooperazzjoni bejn żewġ pajjiżi ostili għal xulxin – il-ftehim qed jitqies bħala ferm kontroversjali, minbarra li kumplikat. Madankollu, uħud qed jinsistu li l-aspett umanitarju għandu wkoll jitqies bħala fattur ewlieni wara dan l-iskambju.
Il-ħelsien tal-ħamsa anki sar possibbli wara t-trasferiment lill-Iran ta’ fondi ekwivalenti għal aktar minn ħames biljun ewro u li l-Istat Iżlamiku kien daħħal mill-bejgħ taż-żejt lill-Korea t’Isfel. Il-fondi, li għamlu żmien iffriżati skont is-sanzjonijiet tal-Istati Uniti fir-rigward tal-Iran, kienu trasferiti lejn il-banek f’Doha, f’Qatar, bil-proċess ikun iddikjarat bħala konkluż.
Fl-aħħar sigħat ukoll kien mistenni li jinħelsu ħames Iranjani li kienu qed jinżammu priġuniera fl-Istati Uniti, bl-azzjoni ssir bħala parti ‘integrali’ tal-iskambju li anki sar possibbli grazzi għall-intervent tal-Qatar bħala medjatur ewlieni.
Il-President tal-Istati Uniti Joe Biden kien ilu taħt pressjoni biex jieħu passi konkreti ħalli l-ħames Amerikani jirritornaw lura pajjiżhom. Dan meta l-ħamsa kienu qed jitqiesu bħala ostaġġi f’idejn l-Iran li kien qed jużahom bħala ‘inċentiva’ għal waqt in-negozjati ma’ Washington.
//= $special ?>