Fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet beda l-istaġun 2023/24 tal-Kampjonat BOV Premier. Kampjonat li għandu jkun wieħed interessanti u kumbattut.
Ħamrun Spartans bdew id-difiża tat-titlu b’rebħa minima ta’ 1-0 fuq Balzan. Kienet logħba li ftit offriet fejn l-azzjonijiet fuq il-lasti tal-gowlkeepers rispettivi kienu rari. Fil-fatt wara li fl-ewwel taqsima kellna biss żewġ xuttijiet, fit-tieni ħamsa u erbgħin minuta rajna titjib fejn wasal ukoll il-gowl li qaleb il-miżien lejn l-Ispartans minn Jonny. Ir-reazzjoni ta’ Balzan għal dan il-gowl kienet waħda fjakka biex Ħamrun ikkontrollaw tajjeb sat-tmiem. Kollox ma’ kollox kienet partita nieqsa mill-ideat bil-logħob jiżvolġi l-aktar f’nofs il-ground, logħba bejn żewġ timijiet li ser ikunu fost l-isfidanti ewlenin. Finalment rebħu Ħamrun biex minkejja li m’għamlu xejn partikolari ħadu l-aktar ħaġa importanti, it-tlett punti.

B’gowl f’kull taqsima Valletta bdew b’rebħa kontra Sirens biex b’hekk jibdew iħarsu ’l quddiem b’ottimiżmu. It-tim Belti, mmexxi għal darb’oħra minn Thane Micallef, kien prattikament mibdul totalment mill-edizzjoni tas-sena li għaddiet. Iddebuttaw għalihom il-gowlkeeper Jake Galea flimkien ma’ Neil Micallef u l-barranin Barrientos, Susnjara, Ferraris, Vega u Luiz. L-istess jista jingħad għall-avversarji tagħhom Sirens li ħlief għall-gowlkeeper Andrea Cassar u l-captain Alex Cini, l-oħrajn kienu kollha uċuħ ġodda. Il-gowl tal-vantaġġ tal-Beltin wasal fl-aħjar mument, qabel tmiem l-ewwel taqsima minn Falcone, biex fit-tieni taqsima żiedu gowl ieħor li bih issiġillaw ir-rebħa. Minkejja li għadu kmieni, l-prospetti ta’ Valletta jidhru sbieħ fejn kapaċi li jkunu ta’ sfida għal kull avversarju.

Rebħa konvinċenti kisbu Floriana, dan wara li huma għelbu lil Santa Lucia bl-iskor kbir ta’ 4-0. Din kienet logħba bejn żewġ kowċis Taljani li t-tnejn li huma kien qed jagħmlu d-debutt tagħhom fil-futboll Malti, Mauro German Camoranesi għal Floriana u Alessandro Zinnari fuq il-bank tas-Saints. Ma’ kienx il-każ ta’ kowċis biss bħala ġodda għall-futbol Malti iżda kemm il-Greens kif ukoll Santa Lucia taw id-debutt lil uħud mill-akkwisti ġodda tagħhom. L-aktar dawn tal-aħħar li kellhom disa’ players ġodda, u meta tim jinbidel kompletament ma’ tkunx faċli li dan jibda jiffunzjona mill-ewwel. Floriana skurjaw żewġ gowls f’kull taqsima filwaqt li kompliet tiġihom tajba hekk kif is-Saints spiċċaw jilgħabu b’għaxar players wara t-tkeċċija tal-eks Jurgen Pisani.

Gowl uniku skurjat mis-sostitut Andrei Ciolacu kien biżżejjed għal Birkirkara sabiex fetħu b’rebħa u tlett punti. L-avversarji tagħhom kienu Sliema Wanderers, wieħed mit-timijiet promossi miċ-Challenge League. Verament li marru d-dar b’idejhom vojta iżda jidher li hemm tim tajjeb biżżejjed sabiex jevita li jgħaddi minn dak li għadda żewġ staġuni ilu. Il-kowċ Paul Zammit ħadem ħafna sabiex is-sena li għaddiet beda jibni skwadra tajba u li tkun tista tisfida lil kull avversarju. Il-Ħadd li għadda huwa inkluda sitt uċuħ ġodda; Jean Borg, Joseph Minala, Vito Plut, Gustavo Alcino, Denis Kouao u Samuel Gomes. Mill-banda l-oħra ftit bidliet għall-Istripes fejn dawn komplew jibnu fuq l-iskwadra b’saħħitha li kellhom l-istaġun li għadda u li biha t-tim immexxi minn Giovanni Tedesco rebaħ l-Izibet FA Trophy apparti n-nuqqas tal-attakkant Enzo Cabrera.

Faċli għal Hibernians li mingħajr wisq tbatija ġabu fix-xejn lil Gżira United bl-iskor konvinċenti ta’ 4-0. Biż-żewġ naħat ikollhom numru ta’ plejers ġodda u oħrajn li rritornaw, kienet tidher id-differenza bejn il-Pawlisti u l-Maroons. Hibernians, issa mmexxija mill-eks kowċ ta’ Ħamrun Spartans Branko Nisevic, ħadu l-kontroll tal-partita mill-ewwel fejn sa tmiem l-ewwel taqsima kellhom vantaġġ doppju. Bit-tkeċċija ta’ Zachary Scerri eżatt qabel għalqet it-taqsima, it-tamiet li forsi l-Maroons setgħu jwettqu reazzjoni fit-tieni ħamsa u erbgħin minuta sfaxxaw fix-xejn, biex Hibernians skurjaw darbtejn oħra għal rebħa komda. Mill-ewwel impressjoni jidher li Hibernians ser ikunu tim b’saħħtu, iżda dehru wkoll evidenti l-problemi li jista jkollhom Gżira matul staġun li possibbilment jista jirriżulta f’wieħed diffiċli.

Il-logħba li fetħet l-istaġun 2023/24 kienet dik bejn Marsaxlokk u t-tim promoss ta’ Naxxar Lions. Din kienet logħba li rajna lix-Xlukkajri jagħtuna wirja ta’futbol offensiv fejn skurjaw xejn anqas minn ħames darbiet. Impressjonanti għalihom kien Yuri Messias li apparti li skorja darbtejn, kien involut f’ieħor u żgur li M’Xlokk għamlu għażla eċċellenti bl-akkwist ta’ dan il-plejer. Mill-banda l-oħra l-Lions ippruvaw kemm setgħu, iżda minkejja l-isforzi tagħhom sabuha diffiċli kontra l-insistenza kontinwa tal-avversarji tagħhom. In-nuqqas ta’ saħħa fl-attakk minn Naxxar kienu ċari biex huma issa jridu janalizzaw x’mar daqstant ħażin f’din l-ewwel partita u jinsewha kemm jista jkun malajr.

Finalment l-unika logħba li ma’ pproduċiet ebda gowl kienet dik bejn Mosta u Gudja. Dawn tal-aħħar kienu mmexxija mill-kowċ Jesmond Zammit, fir-ritorn tiegħu fil-kampjonat Premier. Ammont kbir ta’ plejers ġodda fuq kull naħa ftit li xejn għenu sabiex naraw logħba attraenti. Fil-fatt kienu Gudja United l-aktar tim avventuruż u li resaq viċin li jieħdu l-punti massimi. Muchardi u Mensah kellhom l-aħjar ċansijiet għal Gudja filwaqt li Zachary Brincat resaq l-aktar viċin li jiżblokka s-sitwazzjoni għal Mosta.
