Lokali Qorti

Mixli li ġibed filmati ta’ atti sesswali fi club tal-boċċi f’Ħal Luqa

Raġel ta’ 35 sena residenti Birżebbuġa ingħata l-ħelsien mill-arrest mill-Maġistrat Natasha Galea Sciberras wara tressaq il-Qorti mixli b’rabta ma’ ġbid ta’ filmati sesswali li nġibdu f’każin tal-boċċi f’Ħal Luqa, liema filmati nxterdu fuq il-midja soċjali.

Mark Cachia Zammit li qal lill_Qorti li jaħdem bħala deliveryman ġie mixli bit-tixrid ta’ ritratti jew filmati sesswali minn fuq il-mobile tiegħu mingħajr il-kunsens tal-persuni involuti u li għamel użu mhux xieraq ta’ apparat elettroniku.

Hu wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrih. Il-filmati, juru raġel u mara jkollhom x’jaqsmu sesswalment fil-każin quddiem grupp ta’ persuni li nstemgħu japprovaw dk kollu li qed jagħmlu. Minn informazzjoni li kiseb Net News jidher li l-koppja ndikati fil-filmati huma persuni vulnerabbli.

Il-Prosekuzzjoni qalet li fis-15 ta’ Settembru, irċeviet rapport dwar il-filmati espliċiti fein il-Pulizija tkellmet ma’ bosta xhieda li kienu fil-każin u l-akkużat ġie identifikat minn leħnu li jinstema fil-filmat. Il-Pulizija saret taf li Cachia Zammit kien wara t-teħid tal-filmati bil-Maġistrat tal-Għassa Astrid May Grima toħroġ mandat ta’ arrest fil-konfront tal-akkużat li ġie arrestat f’daru.

Il-Prosekuzzjoni qalet li l-akkużat ammetta mal-Pulizija li kien ħa l-filmati iżda neħħiehom minn fuq il-mowbajl tiegħu, iżda dawn instabu fil-folder tad-“deleted items.”. Fl-istqarrija tiegħu, l-akkużat qal li ċempel lill-vittma tas-sess maskili u staqsieh “jekk kellux bżonn xi ħaġa” iżda l-vittma rrispondieh li l-Pulizija kienet wissietu biex ma javviċinax lill-akkużat.

Id-Difiża mmexxija mill-Avukati Jason Azzopardi u Kris Busietta qalet li l-akkużat qal li niggżitu l-kuxjenza u li xtaq ikellem lill-vittma li qallu li kien semma ismu mal-Pulizija. L-akkużat irrispondieh li “ma kinitx problema u li l-aqwa li hu kien ok”.

Id-Difiża talbet għall-ħelsien mill-arrest iżda l-Prosekuzzjoni oġġezzjonat fid-dawl li għad hemm persuni jiġu investigati u li jridu jixhdu. Infatti, persuni oħra jaf jitressqu l-Qorti b’rabta mal-każ. Fil-fatt NET News huwa nfurmat li għandu jitressaq min imexxi l-każin tal-boċċi li ftit ilu ħa l-kirja tal-istess każin.

Fis-sottomissjonijiet tagħha d-Difiża qalet li m’hemmx biża’ ta’ tbagħbis tal-provi u li l-akkużat ammetta mal-Pulizija li l-vittmi “kienu qed jieħdu gost bl-attenzjoni li kien qed ikollhom”. Ingħad ukoll li ż-żewġ vittmi kienu jafu li qed jinġibdu bil-mowbajl u li din hija r-raġuni għaliex wera rimors għal dak li seħħ.

Il-Prosekuzzjoni stqarret li l-akkużat gideb aktar minn darba fl-istqarrija tiegħu u li fil-bidu, qal li mhux hu kien ħa l-filmati iżda wara ammetta meta l-Pulizija kompliet tistaqsih. Il-Qorti laqgħet it-talba għall-ħelsien mill-arrest u ordnatu jħallas depożitu ta’ €1,000 u garanzija personali ta’ €6,000.

Hu ġie ordnat ukoll li jiffirma darba fil-Ġimgħa, kull nhar ta’ Erbgħa bejn it-8am u 8pm fl-Għassa tal-Pulizija tal-lokal u li ma javviċinax lill-vittmi tal-filmati u xhieda oħra. Dan jinkludi lil kull min kien fil-każin, qalet il-Qorti. Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi Paul Camilleri u Kurt Farrugia.