Lokali

Norma Saliba b’kuntratt li jlaħħaq €72,000 fis-sena

L-eks Kap tal-Kamra tal-aħbarijiet tal-PBS u d-Direttur il-ġdid taċ-Ċentru tal-Ilsien tal-Malti Norma Saliba ingħatat paga li tlaħħaq it-€72,000 fis-sena; flus li se joħorġu mill-but tal-poplu Malti u Għawdxi.

Dan ġie żvelat wara talba li saret mit-Times skont il-liġi għal-libertà tal-informazzjoni.

Il-kuntratt li huwa ffirmat minn Norma Saliba u mis-Segretarju Permanenti fil-Ministeru tal-Kultura Joyce Dimech jista’ jiġi terminat biss mill-Ministru Owen Bonnici.

Dan il-kuntratt huwa validu għal tlett snin bil-possibilta li jiġi mġedded; iżda finalment postha fil-PBS se jibqa’ miżmum.

Skont il-kuntratt, Norma Saliba se tingħata salarju ta’ €42,000 fis-sena iżda apparti din is-somma hija għandha numru ta’ ‘allowances’ inkluż żieda ta’ €750 fis-sena. Fost dawn l-allowances hija se tingħata ‘il fuq minn €4,500 għal spejjes marbuta ma’ trasport kif ukoll bonus li jaqbeż is-€6,000.

Intant, fi stqarrija sitt għaqdiet li jaħdmu favur l-iżvilupp tal-ilsien Malti ingħaqdu mal-Kunsill tal-Malti fejn sostnew li t-twaqqif taċ-Ċentru tal-Ilsien Malti huwa null għaliex sar bla tħejjija ta’ xejn u mingħajr ma saret konsultazzjoni.

L-Għaqdiet qalu li min irid jgħin l-ilsien Malti u jġibu ‘l quddiem il-lingwa ma jagħmilx dan billi jieħu l-liġi b’idejh u jmur kontra l-għaqdiet li ilhom jaħdmu b’mod serju u professjonali favur ilsienna – xogħol li dejjem sar mingħajr ħlas.

Huma appellaw sabiex jisaħħaħ il-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti u jingħata r-riżorsi kollha li għandu bżonn biex b’hekk ikun jista’ joffri l-għodod meħtieġa lil dawk kollha li jużaw u jistudjaw l-ilsien Malti.