Lokali Parlament

Organizzat il-Parlament taż-Żgħażagħ

Matul il-jum tat-Tnejn saret il-plenarja annwali tal-Parlament taż-Żgħażagħ; seduta li matula iż-żgħażagħ tkellem dwar r-Regolarizzazjoni tal-Prostituzzjoni f’Malta u l-libertà tal-Midja u l-Polarizzazjoni Politika tal-Midja Lokali.

Fil-bidu ta’ din il-plenarja d-Deputat Speaker David Agius enfasizza dwar l-importanza li jsiru seduti bħal dawn għaliex iż-żgħażagħ għandhom ħafna x’joffru lis-soċjetà.

David Agius qal li fi spirtu ta’ djalogu dejjem irridu naslu għal ftehim minkejja l-opinjonijiet differenti li jista’ jkun hemm.

Aktar tard, fl-gheluq ta’ din is-seduta d-Deputat tal-Partit Nazzjonalista Bernice Bonello faħħret liż-żgħażagħ għall-impenn tagħhom għaliex minflok qattgħu sajf igawdu l-baħar qattgħu sajf jagħmlu r-riċerka sabiex jaslu għal dawn il-pożizzjonijiet li ġew preżantati fil-Parlament.

Dan filwaqt li saħqet li ż-żgħażagħ għandhom ikomplu jsemmgħu leħinhom f’affarijiet kurrenti li jkunu għaddejjin f’pajjiżna.

Minn naħa tiegħu d-Deputat tal-Partit Nazzjonalista Darren Carabott qal li ż-żgħażagħ f’din is-seduta kienu partit wieħed; dan għaliex flimkien urew li jistgħu jaslu fil-Parlament bl-aħjar abbozz possibli.

Apparti minn hekk, huwa saħaq li għandu jkun hawn aktar protezzjoni fil-konfront tal-ġurnalisti għaliex in-nies li jagħżlu din il-karriera dejjem qegħdin jonqsu. Huwa qal li dak kollu li tgħallmu minn din l-esperjenza għadhom jibqgħu jħaddmuh matul ħajjithom u fakkar kif hu stess kien ipparteċipa fil-Parlament taż-Żgħażagħ ftit snin ilu.

Dan l-avveniment jiġi organizzat kull sena fejn iż-żgħażagħ li jipparteċipaw jiddiskutu temi varji; uħud minnhom temi jaħarqu – sessjoni Parlamentari li tkun organizzata mill-Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ.

Ritratt: Matthew Tabone