Lokali

Joseph Zammit huwa l-pumpier li tilef ħajtu traġikament waqt tifi tan-nar f’Pembroke

Ħabib sinċier. Persuna li kien jagħmel xogħlu minn qalbu. Pumpier dedikat, u li kellu imħabba kbira lejn il-familja. “Għalkemm m’għadekx magħna, il-memorja tiegħek se tibqa’ f’qalbna.”

Dawn kienu uħud mid-diversi kummenti fil-media socjali wara li tħabbret il-mewt ta’ Joseph Zammit – il-pumpier ta’ 48 sena li tilef ħajtu b’mod mill-aktar sfortunat waqt ħidma ta’ tifi tan-nar fl-inħawi ta’ Pembroke.

Il-każ seħħ il-Ħadd filgħaxija meta żviluppa ‘grass fire’ kawża ta’ skart li kien hemm fl-inħawi. U kien għalhekk li membri tal-Protezzjoni Ċivili marru fil-post fejn in-nar ġie kkontrollat u ntefa’ minnufih.

Ftit tas-sigħat wara, sar magħruf li Zammit – li kien qed jassisti fit-tifi tan-nar – intilef minn sensih u kellu jissejjaħ tim mediku sabiex jassisti. Dan filwaqt li ambulanza ħaditu l-isptar Mater Dei għall-kura.

Iżda sfortunatament il-pumpier tilef ħajtu ftit tal-ħin wara li wasal l-isptar.

Il-Maġistrat tal-Għassa Victor Axiak fetaħ inkjesta dwar dan il-każ, filwaqt li l-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.

Din it-traġedja ġabet magħha dieqa enormi fost il-membri kollha ts-CPD. U titkellem ma’ min titkellem, kulħadd kelma waħda – kollha jfaħħru l-impenn li Zammit dejjem wera f’xogħlu.

Diversi persuni li sellmu l-memorja ta’ dan il-pumpier qalu li Joseph Zammit kien ta’ ispirazzjoni kbira, u kellu passjoni li żgur se tibqa’ ittimbrata fl-imħuħ tal-kollegi u dawk kollha li kienu jafuh mill-qrib. Oħrajn qalu li din it-telfa ħalliethom bla kliem iżda l-memorja tiegħu se tibqa’ f’qalbhom.

F’post fuq il-midja soċjali, anke l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech sellem il-memorja ta’ Joseph Zammit fejn stqarr illi jinsab imnikket b’din l-aħbar – għaliex Zammit kien ħabib taż-żgħożija.

Bernard Grech iddeskriva lil Joseph Zammit bħala raġel eżemplari u dedikat f’dak kollu li kien jagħmel.

Dan filwaqt li l-Partit Nazzjonalista wassal il-kondoljanzi lill-qraba tal-vittma.