Lokali

“Se nkomplu naħdmu sabiex il-poplu jkollu kwalità ta’ ħajja aħjar” – Bernard Grech

“Irridu niddeċiedu fejn se nieħdu s-soċjetà tagħna. Jekk se jkun hemm prijoritajiet ħżiena l-kwalità tal-ħajja se tonqos. Iżda l-Partit Nazzjonalista jinsab determinat u se tkompli l-ħidma sabiex il-poplu jkollu kwalità ta’ ħajja aħjar.”

Dan sostnieh il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech waqt id-diskors tiegħu fl-ewwel lejl ta’ attivitajiet marbutin mal-Indipendenza bit-tema ‘Ħajja Aħjar f’Pajjiżna’.

Bernard Grech qal li l-Partit Nazzjonalista jinsab determinat sabiex jagħmlu dak li huwa xieraq, dak li huwa sewwa b’rieda politika sabiex nieħdu d-deċiżjonijiet kollha neċessarji. Huwa aċċenna li l-kwalità ta’ ħajja rridu naħdmu għaliha u mhux se titjieb biss bil-kliem.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li rridu nerġgħu niskopru l-valuri fosthom ir-rispett, il-passjoni fost affarijiet oħra.

Bernard Grech saħaq fuq l-importanza li jintwera rispett lejn l-għalliema u li għandna nkomplu ninvestu fihom dan għaliex qegħdin jgħallmu lit-tfal li huma l-futur ta’ pajjiżna. Huwa appella sabiex l-għalliema jkollhom pagi aħjar biex b’hekk aktar żgħażagħ jidħlu għal din il-professjoni.

Huwa tkellem ukoll fuq is-saħħa mentali li tista’ taffettwa lil kulħadd fejn huwa qal li huwa inaċċettabbli li hawn ħafna nies qed iċedu meta jaffaċċjaw xi diffikultà f’ħajjithom. Bernard Grech aċċenna li hawn bżonn servizz aħjar sabiex aktar nies jibdew ifittxu l-għajnuna.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista appella għal bidla sabiex il-poplu jkollu kwalità ta’ ħajja aħjar.