Lokali

Bernard Grech iżur it-tħejjijiet għall-Konkors Kanzunetta Indipendenza

Kollox jinsab imħejji sabiex nhar il-Ġimgħa, 22 ta’ Settembru, jiġi organizzat il-Festival Kanzunetta Indipendenza fi Pjazza Teatru Rjal, 40 sena l-ewwel edizzjoni.

Madanakollu din hija t-30 edizzjoni ta’ dan il-konkors minħabba l-fatt li kien hemm edizzjonijiet oħrajn li għal xi raġuni ma sarux.

B’kollox se jkun hemm 20 kanzunetta li ċertament mistennija jagħtu spettaklu uniku f’serata fil-Belt Kapitali.

Mistiedna speċjali f’din l-edizzjoni se jkun hemm l-kantanta Cherylis Camilleri li rebħet bil-kanzunetta Nifs fl-edizzjoni tal-2021, il-grupp mużikali Different Minds kif ukoll Claudia Faniello, li ukoll rebħet dan il-konkors lura fl-2006 bil-kanzunetta Ma Nafx.

It-Tnejn filgħaxija l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech żar il-preparamenti li għaddejjin ġmielhom b’rabta ma’ dan il-konkors fejn irringrazzja lill-ħaddiema li għal jiem sħaħ issa ilhom iħejju għal dan il-konkors.

Dan filwaqt li tkellem ma’ diversi persuni li t-Tnejn filgħaxija nġabru fi Pjazza Tritoni għal bidu tal-festi tal-Indipendenza.

Ritratti: Matthew Tabone