Lokali Qorti

Waqt l-operazzjoni ta’ salvataġġ għal Jean Paul Sofia ħajt dobblu mhux imqabbad sew beda jperper bir-riħ

“Kienet operazzjoni ta’ tfittxija mill-aktar perikoluża. Il-bqija tal-bini seta’ jikkollassa f’qasir ħin u li tant kemm kien dgħajjef li anke r-riħ beda jagħmel tiegħu bil-bini fejn ħajt dobblu mhux imqabbad sew u li ma kienx fi stat tajjeb beda jperper. Kien hemm ċans ta’ kollass imminenti fejn parti minn struttura li kienet għadha ma waqatx bdiet iżomm fuq biċċa brikksa.

“Kien hemm ħajt li beda jperper u kollox beda jsir bi pjan bi drone tidħol fil-binja sular, sular flimkien ma’ kelb imħarreġ li beda jagħmel it-tfittxija flimkien mal-handler tiegħu fejn anke għal dawn kien jeżisti periklu kbir. Il-kelb huwa mħarreġ biex isib in-nies ħajjin u f’mument minnhom deher li tfixkel, imma dejjem kien fid-direzzjoni t-tajba”.

Dan ħareġ mix-xhieda tad-Direttur Ġenerali tad-Dipartimenti tal-Protezzjoni Ċivili Peter Paul Coleiro li ta rakkont dettaljat tal-operazzjoni ta’ salvataġġ li wassal għas-sejbien taż-żagħżugħ Jean Paul Sofia tliet metri l-isfel mill-basement tal-fabbrika. Xhieda li ngħatat fil-preżenza ta’ omm il-vittma, li għamlet prattikament seduta sħiħa tolfoq u tibki.

Jean Paul Sofia ta’ 20 sena miet fit-13 ta’ Diċembru li għadda, meta l-bini ta’ tliet sulari  waqa’ waqt xogħlijiet ta’ kostruzzjoni. Iż-żagħżugħ kien mar fuq il-post biex jiġbor xi għodda. Ħames irġiel oħra – tliet Albaniżi, Bosnijan u ħaddiem Malti kellhom jiġu salvati mit-terrapien minn membri tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili.

Quddiem il-Maġistrat Rachel Montebello kompliet il-kumpilazzjoni fil-konfront ta’ l-iżviluppaturi tal-propjetà Kurt Buhagiar ta’ 37 min-Naxxar u Matthew Schembri ta’ 38 minn Birkirkara, il-perit Adriana Zammit ta’ 35 sena minn Ħaż-Żabbar, il-kuntrattur Serb Milomir Jovicevic ta’ 39 sena flimkien ma’ martu u l-kodirettur tal-kumpanija Dijana Jovicevic, 38 minn Il-Bosnja  Ħerzegovina, qed iwieġbu mhux ħatja ta’ akkużi ta’ omiċidju involontarju u li kkawżaw ġrieħi gravi lil ħames ħaddiema li kienu fuq il-post meta waqa’ l-bini.

Schembri huwa akkużat ukoll li ffalsifika firma fuq l-avviż tal-bidu tal-proġett – dokument uffiċjali li jrid jiġi sottomess lill-awtoritajiet qabel ma jkunu jistgħu jibdew ix-xogħlijiet. Zammit huwa akkużat ukoll li naqas milli jwettaq ix-xogħlijiet skont il-prattiċi u l-istandards industrijali stabbiliti. Schembri, Buhagiar u l-koppja Jovicevic huma akkużati wkoll li wettqu diversi ksur tar-regoli tas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol.

Coleiro xehed kif inħarġu tlieta min-nies li kienu miksija bil-konkrit u qal li żewġ terzi tal-fabbrika kienet ċediet. F’dan il-waqt l-uffiċjali tal-Protezzjoni Ċivili bdew jiġbru l-informazzjoni meta waslu fuq il-post iżda din ma kinitx konkreta fosthom dwar kemm kien hemm nies fil-fabbrika waqt li żied li l-aħħar ħaddiem li nħareġ infurmahom li kien hemm ħaddiem ieħor.

Coleiro qal li l-kelb tas-servizz ta indikazzjoni tajba fejn seta’ kien hemm ħaddiem ieħor maqbud. Fl-istess waqt qal li f’vann ipparkjat barra nstabet il-kartiera tal-vittma u b’hekk waslu għall-konklużjoni li Jean Paul Sofia kien fil-fabbrika fil-mument tat-tiġrif.

It-tfittxija kompliet u dan dejjem bl-intendere li Sofia għadu ħaj. Irrakkonta kif kien hemm ħajt dobblu mhux imqabbad u bir-riħ bdew jaraw il-ħajt jperper u f’dan l-isfond esprima t-tħassib li kellhom l-uffiċjali dak il-ħin dwar aktar kollass waqt li qal li mill-filmati elevati mis-CCTV l-uffiċjali ippruvaw jaslu għal vittma.

Madankollu huwa qal li l-operazzjoni kienet waħda kumplessa bl-uffiċjali jippruvaw joħolqu kuritur sabiex jaslu għal vittma. Tenna li l-uffiċjali neħħew is-saqaf li kien fadal sabiex ikunu jistgħu jiġu jaħdmu u żied li ntużaw saħansitra drones sabiex jinstab Sofia.

F’dan l-istess waqt huwa jirrakkonta kif ġie infurmat li l-qalba tal-binja wkoll kienet f’riskju ta’ kollass u imminenti. Saħaq li ta’ xkiel għalihom kienet pompa tal-konkrit u mixer u għalhekk ġie deċiż li il-kuntratturi esterni jżarmaw dan il-ħajt biċċa biċċa.

Id-Direttur Ġenerali spjega li aktar tard ġie lokalizzat Sofia fejn instab mingħajr ħajja waqt li qal li vittma kien l-iktar punt il-bogħod mill-uffiċjali kif ukoll l-aktar punt perikoluż għal operazzjoni minħabba li kien jinsab fil-qalba.

Xehed ukoll Francesco Degabriele, uffiċjal tal-Protezzjoni Ċivili, maħtur bħala espert l-inkjesta magisterjali sabiex jiġbed filmati u ritratti tas-sit. Xhud ieħor kien l-Kuntistabbli Emmanuel Zammit li rrakkonta kif saret tfittxija fid-dar tal-Perit Zammit f’Ħaż-Żabbar u li matul din it-tfittxija l-pulizija elevat tagħmir elettroniku.

Ix-xhud qal li l-Perit l-ewwel uriet ix-xewqa li tkellem avukat imma imbagħad bidlet fehemtha. L-ewwel xhud fis-seduta tat-Tlieta kien l-espert tal-Qorti Keith Cutajar li ippreżenta l-informazzjoni li ġiet miġbura mit-tagħmir elettroniku tal-akkużati.

L-Ispetturi tal-Pulizija Paul Camilleri u Antonello Magri qed imexxu l-prosekuzzjoni. L-avukati Arthur Azzopardi, Franco Debono u Jacob Magri qed jassistu lil Buhagiar u Schembri. Il-Perit Zammit qed tkun rappreżentata mill-avukat Stephen Tonna Lowell.

L-Avukat Timothy Bartolo huwa avukat difensur għal Milomir Jovicevic u Dijana Jovicevic. Il-familja Sofia qed tkun assistita mill-avukati Joe Giglio u David Bonello. Il-kumpilazzjoni tkompli nhar it-Tnejn, 9 ta’ Ottubru, fl-10.30am.