Aktar eluf ta’ Libjani qed jinsistu għal spjegazzjoni dettaljata tan-nuqqasijiet u traskuraġni mill-awtoritajiet preżenti u tal-passat u li kienu fost ir-raġunijiet li wasslu għall-‘eluf eżaġerati’ tal-mejtin fl-għargħar traġiku tal-aħħar jiem ikkaġunat għall-Maltempata Daniel.
Il-Libjani huma rrabjati dwar l-ippjanar ħażin li produċa l-tipi ta’ infrastruttura li ma felħux għall-gliegel tal-ilma li bdew ħerġin minn żewġ digi li ċedew fil-maltemp – bl-ilma jifqa’ u jkaxkar kwantità kbira ta’ djar fil-belt ta’ Derna u l-madwar.
Il-poplu f’Derna jemmen ukoll li ngħataw il-kuntratti għall-bini tad-djar b’materjal mhux ta’ kwalità u bħala parti min-network ta’ korruzzjoni – bil-folol, fl-aħħar sigħat, jagħtu n-nar lir-residenza tas-Sindku tal-belt, Abdulmenam al-Ghaiti.
Dan meta l-istess al-Ghaiti u uffiċjali oħrajn saru l-mira tar-raba tar-residenti tal-belt li għadhom ħajjin u li jinsabu kważi f’xifer ta’ anarkija.
Id-dimostranti, qabel, kienu nġabru quddiem il-Moskea ta’ Sahaba fiċ-ċentru ta’ Derna fost l-għajjat biex jirriżenja l-Gvern Libjan tal-Lvant minħabba l-allegat responsabbiltà għad-diżastru li sew l-ħajja ta’ eluf. Dan ukoll meta’il fuq minn 10,000 għadhom neqsin f’Derna u l-madwar u li huma preżunti bħala mejtin.
Fl-istess ħin, aktar residenti ta’ Derna qed jgħidu li ma ngħatawx twissijiet suffiċjenti dwar il-perikli tal-Maltempata Daniel. Huma akkużaw lill-uffiċjali li preferew li jżommu siekta anki jekk, forsi, kienu jafu dwar l-impatt inevitabbli għar-reġjun mix-xita qliel li kienu qed jistennew minn ħin għall-ieħor.
Kelliema għar-residenti qalu wkoll li l-awtoritajiet kienu wissewhom biex jibqgħu d-dar u meta fiċ-ċirkustanzi kellhom jingħataw direttivi speċifiċi għal evakwazzjoni urġenti.
Il-Gvern Libjan tal-Lvant hu rivali kbir tal-Gvern Libjan fi Tripli li hu rikonoxxut mill-komunità internazzjonali. Sadanittant, il-Kap militari Khalifa Haftar, li qed jappoġġja lill-amministrazzjoni f’Tobruk ( fil-lvant tal-Libja), qed isostni li l-mejtin fl-għargħar kienu l-konsegwenza ta’ diżastru naturali.
Madankollu, ħafna analisti ma jaqblux ma’ Haftar u qed jgħidu li l-Gvern Libjan tal-Lvant, tul is-snin, naqas mill-impenji għall-manutenzjoni tad-digi minkejja d-diversi twissijiet preċedenti dwar il-kundizzjoni fraġli tagħhom.
//= $special ?>