Lokali

“Il-Partit Nazzjonalista jinsab fit-triq it-tajba – jista’ jkun Gvern alternattiv” -Prof. Andrew Azzopardi

Il-Partit Nazzjonalista jista’ jkun Gvern alternattiv – sa fl-aħħar sab is-serenità u għandu Membri Parlamentari żgħażagħ li qed jagħtu l-frott.

Sostna dan id-Dekan tal-Fakultà għat-Tisħiħ għas-Soċjetà fi ħdan l-Università ta’ Malta Andrew Azzopardi f’artiklu fil-gazzetta Times of Malta, fejn stqarr li l-ħidma tal-Partit Nazzjonalsita bdiet tħalli r-riżultati u ssaħħaħ l-Oppożizzjoni.

Il-Professur Azzopardi saħaq li fl-aħħar snin il-pajjiż kien xhieda ta’ skandlu wieħed wara l-ieħor; il-kuntratti frawdolenti tat-tlett sptarijiet, id-dinja tal-cowboys fejn jidħol bini u proprjetà, il-kriżi enormi fil-provvista tal-elettriku, il-kaos fit-traffiku, ir-rebus fil-ġbir tal-iskart, il-mod kif il-Gvern tilef il-fiduċja tal-poplu b’rabta mal-inkjesta pubblika ta’ Jean Paul Sofia, l-allegat ħasil ta’ flus fi ħdan il-Partit Laburista, il-mismanagement fl-Air Malta, l-inflazzjoni, is-saħħa mentali, l-infrastruttura u ż-żieda eżorbitanti fil-popolazzjoni.

Dan kollu, skont Andrew Azzopardi flimkien ukoll maż-żieda fid-domanda għas-soup kitchens, in-nuqqas ta’ azzjoni b’rabta mar-rapport ta’ inkjesta wara l-femiċidju ta’ Bernice Cassar u l-allegat xiri ta’ voti mill-benefiċċji soċjali….qed juru d-dgħjufija kbira tal-Gvern ta’ Robert Abela.

Azzopardi saħaq li dan kollu qed juri li hemm kriżi fit-tmexxija tal-pajjiż, li l-korruzzjoni qed tnawwar lil dan il-Gvern u li l-poplu qed jitbiegħed mill-Prim Ministru.

Dan, kompla Azzopardi, huwa deja vu tal-aħħar snin tat-tmexxija ta’ Gvern Nazzjonalista bejn l-2011 u l-2013. Iżda insista li d-differenza hija waħda fl-attitudni – bil-Labour qed jitlef il-valuri kollha tiegħu u jinsa għal kollox dawk fil-bżonn.

Mill-banda l-oħra huwa insista li l-Partit Nazzjonalista jista’ jkun Gvern alternattiv għal dan il-poplu li qed jitlef it-tama. Madanakollu saħaq li għandu bżonn ikun aktar reattiv, aktar qrib in-nies u li jkompli jsaħħaħ l-għeruq tiegħu.

Azzopardi insista li t-tmexxija fi ħdan il-PN qiegħda tissaħaħ, iżda spjega li hemm bżonn li jibda jilqa’ fi ħdanu aktar nies li jistgħu jesprimu l-ideat tagħhom b’mod aktar liberu. Huwa saħaq li fi kliem sempliċi l-Partit Nazzjonalista għandu bżonn jirrivitalizza l-ideat tiegħu u ma jitħalliex jiddgħajjef bir-retorika tal-Gvern Laburista.

Andrew Azzopardi, sostna li l-Partit Nazzjonalista, jrid jagħti serħan il-moħħ lill-istituzzjonijiet u jpoġġi fiċ-ċentru tal-politika tiegħu liċ-ċittadin. Dan għaliex fl-aħħar snin il-Gvern qiegħed lill-politiċi fuq pedestall…meta fil-verità iċ-ċentru tal-attenzjoni għandu bżonn jeħodha ċ-ċittadin.