Budget 2024 Ekonomija Lokali

Il-PN jinsisti li l-Gvern ma jistax ifarfar mir-responsabbiltà li jiffaċilita l-bidla ekonomika

Il-Gvern qata’ qalbu li jista’ jġib bidla ekonomika f’pajjiżna. Il-Gvern farfar mir-responsabbiltà li jiffaċilita l-bidla ekonomika u tefagħha fuq is-settur privat. Dan ikkonfermah il-Ministru tal-Finanzi Clyde Caruana stess, fil-kummenti tiegħu waqt seminar organizzat mill-Bank Ċentrali ta’ Malta, fejn sostna li s-settur privat għandu jżid l-isforzi tiegħu biex tinħoloq direzzjoni ekonomika ġdida għal Malta.

Fi stqarrija, il-Partit Nazzjonalista insista illi hu jemmen li s-settur privat għandu rwol kruċjali fl-attività ekonomika ta’ pajjiżna, iżda l-Gvern ma jistax jerħi r-responsabbiltà minn idejh li, fost oħrajn, joffri l-inċentivi li hemm bżonn, it-tnaqqis tal-burokrazija u għaldaqstant, itejjeb l-‘ease of doing business’, li jsaħħaħ ir-reputazzjoni ta’ pajjiżna u li jiffoka fuq kif se jtejjeb il-governanza. Dan hu importanti għax, biex is-settur privat jirnexxi, irid ambjent ta’ stabbiltà ekonomika, politika u finanzjarja.

Għal bosta snin, il-Partit Nazzjonalista kien fuq quddiemnett, flimkien ma’ bosta korpi kostitwiti u għaqdiet ta’ min iħaddem jgħid lill-Ministru tal-Finanzi u lill-Gvern Laburista li din il-politika ma taħdimx. Issa, il-Ministru qed jerġa’ jammetti li l-politika tal-Gvern falliet.

Il-Kummenti tal-Ministru tal-Finanzi juru wkoll kemm hemm distakk bejnu u Robert Abela. Filwaqt li l-Ministru tal-Finanzi qed isostni li pajjiżna jeħtieġ direzzjoni ekonomika ġdida, Robert Abela jagħti indikazzjoni oħra. Clyde Caruana u l-Gvern ta’ Robert Abela m’għandhomx idea kif se jsolvu l-problema li ħolqu huma stess, anzi se jkomplu jkabbruha.

Il-Partit Nazzjonalista jsostni li pajjiżna jeħtieġ politika ekonomika ċara u sostenibbli, li tiffoka fuq il-ħolqien ta’ setturi ekonomiċi ġodda, kif ukoll l-investiment f’‘industry verticals’ eżistenti biex jinħoloq xogħol b’valur miżjud u mhux ‘cheap labour’. Pajjiżna għandu bżonn nifs ġdid fil-politika, nifs ġdid li jwassal għall-ħolqien ta’ karrieri u kwalità ta’ ħajja aħjar għall-familji u n-negozji Maltin u Għawdxin.

L-istqarrija inħarġet mid-deputati Jerome Caruana Cilia u Ivan J Bartolo.