Il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola attendiet il-ftuħ tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti fi New York. Waqt żjara li bdiet nhar is-Sibt, il-President Metsola indirizzat il-World Leaders Forum organizzata mill-Università Columbia. Fid-diskors tagħha, hija saħqet biex il-politiċi ipoġġu lill-bniedem fiċ-ċentru ta’ kull deċiżjoni li jieħdu, waqt li semmiet li l-Ewropa jeħtieġ twettaq bidliet li jkomplu iqarrbuha lejn in-nies. Għal dan il-Forum attendew ukoll numru ta’ Maltin li bħalissa jinsabu fi New York.
Roberta Metsola kienet ukoll waħda mill-kelliema ewlenin tal-Concordia Summit, fejn waqt konverzazzjoni mal-eks President tal-Kummissjoni Ewropea José Manuel Barroso, tkellmet dwar ir-rwol tal-Ewropa fid-dinja.
Matul iż-żjara tagħha, l-President Metsola żaret il-kwartieri l-ġodda tar-rapreżentanza Maltija għan-Nazzjonijiet Magħquda fejn intlaqgħet mill-Ministru tal-Affarijiet Barranin Malti Ian Borg u l-kap tar-rappreżentanza Maltija fin-Nazzjonijiet Magħquda Vanessa Frazier.
F’isem il-Parlament Ewropew, Roberta Metsola wkoll rċeviet rikonoxximent mill-World Jewish Congress u mill-komunita’ Lhudija fi New York għall-impenn tagħha u tal-istituzzjoni li tmexxi kontra l-anti-semitiżmu.
Hija żaret ukoll it-tifkira u għall-vittmi ta’ attakki terroristiċi li saru fuq it-twin towers fil-11 ta’ Settembru 2001 flimkien ma’ iben wieħed mill-vittmi – li bħala kaptan tat-tifi tan-nar kien tilef ħajtu waqt li prova jsalva lil ħaddiehor.
Waqt iż-żjara tagħha fi New York, Roberta Metsola kienet mistiedna mill-ġurnal internazzjonali New York Times biex iżżur il-kwartieri tiegħu u tiddiskuti l-isfidi globali flimkien maċ-Chairman kif ukoll edituri u ġurnalisti.
//= $special ?>