Internazzjonali

In-NU: Il-President Biden iħeġġeġ lill-pajjiżi biex jirreżistu lir-Russja

Il-President tal-Istati Uniti għamel diskors ewlieni waqt l-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti fi New York fejn ħeġġeġ biex il-pajjiżi jingħaqdu flimkien bħala reżistenza kollettiva lir-Russja.

Biden sostna li l-pajjiżi jridu jirrealizzaw il-ħtieġa li jikkonfrontaw l-aggressjoni attwali min-naħa tal-Kremlin minbarra li jagħmluha diffiċli biex pajjiżi oħra jaġixxu bħala aggressuri fil-futur. Il-President tal-Ukrajna, Volodymyr Zelensky, hu wkoll preżenti fi New York u mistenni li jindirizza lill-Assemblea aktar ‘il quddiem.

Joe Biden tkellem anki dwar il-bidliet fil-klima u qal li hu qed iqis il-fenomenu bħala theddida għall-eżistenza tad-dinja. Il-President enfasizza wkoll li d-dinja għandha tnaqqas id-dipendenza fuq il-fossil fuels biex ma tirrankax il-problema.

Il-mexxejja ta’ għexieren ta’ pajjiżi f’dawn is-sigħat se jkomplu jiddiskutu u janalizzaw numru ta’ issues ta’ importanza globali bl-Assemblea Ġenerali tipprovdi opportunità ideali għall-mexxejja biex jikkonċentraw fuq il-gwerra tal-Ukrajna, il-bidliet fil-klima u l-iżvilupp sostenibbli għall-pajjiżi.

Madankollu, il-President Russu, Vladimir Putin, il-President taċ-Ċina Xi Jinping, il-President ta’ Franza Emmanuel Macron u l-Prim Ministru Britanniku Rishi Sunak mhumiex preżenti fi New York. Minkejja dan, l-avveniment fi New York qed jippermetti anki l-opportunitajiet għal-laqgħat bejn il-mexxejja preżenti wara l-kwinti tal-laqgħa.