Internazzjonali

L-Ażerbajġan: Minn tensjoni għal azzjoni militari f’Nagorno-Karabakh

Il-Ministeru tad-Difiża tal-Azerbajġan beda sensiela ta’ azzjonijiet militari qalb iz-zoni ta’ Nagorno-Karabakh li huma kontrollati mill-Armeni.

L-Ażeri qalu, intant, li qed jirreaġġixxu ‘kontra t-terroriżmu’  wara xhur ta’ tensjoni fit-territorji ta’ Nagorno Karabakh fejn jgħixu l-Armeni etniċi u li l-komunità internazzjonali tirrikonoxxih bħala parti mill-Ażerbajġan.

Ir-rapporti mir-reġjun qalu li talanqas 12-il pulizija u ċivili Ażeri kienu tilfu ħajjithom fi splużjoni ta’ mine u b’kaġun ta’ inċident ieħor.

Madankollu, l-uffiċjali fir-reġjun separatista ta’ Nagorno-Karabakh qalu li l-militar Ażeri kiser il-ftehim għall-waqfien mill-ġlied għall-hekk-imsejħa ‘linja ta’ kuntatt’ mal-Armeni. U waqt li l-qawwiet Ażeri kienu qed jużaw il-missili u l-artillerija waqt l-azzjoni, ir-rappreżentanti ta’ Nagorno Karabakh irreferew għal ‘offensiva militari fuqa skala kbira.’

L-Ażerbajġan u l-Armenja ġġiedlu żewġ gwerer dwar il-kontroll ta’ Nagorno-Karabakh – bl-ewwel waħda sseħħ fid-disgħinijiet u bl-oħra tmur lura għall-2020.