Raġel ta’ 30 sena residenti Birżebbuġa ġie lliberat minn ħames akkużi relatati ma’ mġieba ħażina fil-konfront tal-eks sieħba tiegħu wara li għamlet rapport fil-konfront tiegħu fejn qalet li għajjara prostituta f’temini aktar ħamalli.
Kyle Lautier ma nstabx ħati mill-Maġistrat Lara Lanfranco li offenda lit-tfajla, li naqas li josserva ordni ta’ protezzjoni mill-Qorti, li ma qagħadx mal-kundizzjonijiet mogħtija lilu mill-Qorti Kriminali u l-Qorti tal-Maġistrati, li nġurja lill-eks sieħba tiegħu u li kiser il-paċi pubblika.
Fid-19 ta’ Lulju, 2021 l-eks tfajla tal-akkużat għamlet rapport fis-Sezzjoni ta’ Kontra l-Vjolenza Domestika fil-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija fejn qalet li dak inhar stess għall-ħabta tad-9.25am. kienet qed tixtri ma’ binha f’ħanut tal-merċa f’Birżebbuġa.
Ftit wara li ħarġu mill-ħanut, binha ġibdilha l-attenzjoni għall-preżenza tal-akkużat. Qalet li Lautier kien fil-kantuniera liebes flokk iswed. Flimkien ma’ binha daħlet fil-karozza, xegħlet il-mobile tagħha u ġibdet xi filmati. Hi qalet lill-Pulizija, li waqt li kienet qed issuq innutat il-karozza ta’ missier l-imputat fejn il-Knisja ta’ Birżebbuġa, u li din kienet qed tinstaq mill-imputat.
Skont hi meta kienet għaddejja bil-karozza u waslet fi Triq il-Bajja s-Sabiħa fid-direzzjoni ta’ Triq B’Buġia, l-akkużat beda jgħajjat u jgħajjarha b’kelma ħamalla. Hi qalet li kompliet issuq iżda lil Lautier ma ratux iżjed. Meta ġie l-akkużat ġie mitkellem iddeċieda li jibqa’ sieket kif baqa’ sieket ukoll waqt il-proċeduri fil-Qorti.
Il-Qorti rat ukoll pen drive li kienet esebita mill-prosekuzzjoni mogħtija lilha mit-tfajla. Il-provi kienu jikkonsistu minn CD u tliet filmati f’postijiet differenti. Fl-ebda ħin mal-allegata vittma rat lill-imputat imma biss semgħetu jgħajjat u qalet li għarfet il-vuċi tiegħu.
Mill-provi rriżulta li ma hemm l-ebda dubju li l-vuċi kienet waħda maskili. Madankollu l-Qorti qalet li għandha r-riżervi tagġħha fuq il-każ u ma tqisx li tali provi iwasslu sal grad rikjest mill-liġi. Il-mara semgħet biss u ma ratx lill-akkużat joffendiha. Għalsaqatant ġie lliberat mill-akkużi kollha. Għal Lautier deher l-Avukat Ezekiel Psaila.
//= $special ?>