Budget 2024 Lokali

Silvio Schembri ma jweġibx dwar kif se jbiddel il-mudell ekonomiku

Twissija oħra lil Robert Abela mill-Ministru tal-Finanzi: il-mod kif naslu għat-tkabbir ekonomiku “għandu jinbiddel”

Hekk saħaq il-Ministru Clyde Caruana meta t-Tnejn filgħodu ndirizza seminar tal-Bank Ċentrali, fejn insista li l-Gvern għandu jagħti s-support tiegħu lis-settur privat sabiex dan joħloq direzzjoni ġdida fl-ekonomija ta’ pajjiżna.

Clyde Caruana żied jgħid li l-Gvern għandu jnaqqas l-inefiċenzja u l-problemi li iddominaw l-mudell ekonomiku ta’ pajjiżna f’dawn l-aħħar snin. Waqt li mil-ġdid reġa’ insista sabiex jinbiddel il-mudell ekonomiku ħalli l-pajjiż jibbaża fuq tkabbir sostenibbli.

Madanakollu meta Net News staqsa lil-Ministru tal-Ekonomija Silvio Schembri, x’se jsir fil-budget biex jinbiddel il-mudell ekonomiku, il-Ministru baqa jiftaħar bil-mudell ekonomiku preżenti.

U meta staqsejnih kif il-Gvern ser ikun qed ibiddel id-direzzjoni u kif ser inaqqas l-innefiċjenzi, Schembri baqa’ jgħid li se ssir dik li hu sejjaħ “transformazzjoni” – iżda ma qalilnix kif se tkun qed issir din it-trasformazzjoni.

Il-Gvern ilu xhur għaddej f’battibekk intern dwar il-mudell ekonomiku.

Kollox beda meta Clyde Caruana wissa li l-popolazzjoni ta’ pajjiżna taf tisplodi għal 800,000 jekk il-Gvern iwebbes rasu bil-mudell preżenti. Iżda Robert Abela u Silvio Schembri, minn naħa tagħhom, ma jridux ibiddlu r-rotta.

Din mhux l-ewwel darba li Clyde Caruana appella sabiex jinbidel il-mudell ekonomiku fejn aktar kmieni din is-sena saħaq li Malta għandha bżonn issib metodi ġodda ta’ kif tkabbar l-ekonomija – mhux bil-kostruzzjoni.

Anke il-Partit Nazzjonalista issa ilu xhur sħaħ jsemmi l-ħtieġa li jinħolqu setturi ekonomiċi ġodda, li joffru jobs ta’ kwalità b’pagi aħjar.