Kultura Lokali

Attrazzjonijiet uniċi f’wirja akkwatika mill-isbaħ

Il-Malta Aquarist Society għal darb’oħra qed ittella’ l-wirja annwali tal-ħut ferm mistennija għall-2023, wara s-suċċess kbir tal-avveniment tas-sena l-oħra.

Din il-wirja li ssir fil-klabb tal-Għaqda stess f’37 Triq is-Summiena, il-Fgura, hi mifruxa fuq ġimgħa, mis-Sibt, 16 ta’ Settembru sal-Ħadd, 24 ta’ Settembru, u toffri wirja akkwatika mill-isbaħ. L-Għaqda qed tistieden lid-dilettanti biex iżuru din il-wirja li tinkludi firxa ta’ speċi ta’ ħut, kif ukoll se jkun hemm esebiti ‘’community tanks’’ – tankijiet ikkurati b’mod metikoluż mill-membri tal-klabb u jkunu magħmula minn diversi ħut, ġebel, pjanti akkwatiċi u dak kollu li jpaxxi l-għajn meta wieħed jarahom.

Fost l-attrazzjonijiet ewlenin esebiti wkoll ħut mhux daqstant komuni bħal Blind Cave Tetras, ħut li peress li jgħix ġewwa għerien fil-Messiku, dawn tilfu l-għajnejn peress li ma hemmx aktar bżonn tagħhom. Wieħed jista’ jara diversita’ ta’ ħut, minn tetras żgħar ta’ 10mm sa Cichlids – tip ta’ ħut aggressiv mill-Amerika Ċentrali li jikber sa’ xi 30cm.

Il-wirja hi miftuħa għall-viżitaturi mid-9am sas-7pm s-Sibtijiet u l-Ħdud u fil-festa pubblika tal-21 ta’ Settembru, u mill-4pm sas-7pm matul il-ġimgħa.

Lil hinn mill-wirja akkwatika, wieħed jista’ jirbaħ ukoll diversijiet premjijiet sbieħ.

Il-Malta Aquarist Society tistieden lil kulħadd – kemm dilettanti kif ukoll dawk kurjużi – sabiex jattendu din il-wirja b’attrazzjonijiet uniċi. Għal aktar informazzjoni wieħed jista’ jżur il-website tal-Malta Aquarist jew jibgħat email lil malta.aquarist.society@gmail.com jew iżur il-paġna ta’ Facebook : Malta Aquarist Society Wieħed jista’ wkoll iċempel 9989 1668.