Il-Jum Dinji tal-Anzjani – jum fejn naprezzaw l-anzjani li huma tant essenzjali għas-soċjetà tagħna.
Matul il-jum tal-Erbgħa saret il-quddiesa annwali fil-Bażilika Minuri ta’ Kristu Re f’Raħal Ġdid fejn matulha il-Caritas tfakkar propju l-Jum Dinji tal-Anzjani – ċelebrazzjoni li għaliha attendew fost l-oħrajn dawn l-erba’ anzjani, li huma aħwa.
Ma’ Net News, huma saħqu fuq l-importanza li l-anzjani jinżammu infurmati fuq servizzi soċjali, d-dimensja u ħafna suġġetti oħra. Huma qalu li ilhom ‘il fuq minn 10 snin parti minn din il-komunità hekk kif kienet propju ommhom li kienet tattendi għal dawn l-attivitajiet.
Intant, waqt l-omelija l-Isqof Gorg Frendo stqarr li f’dan il-jum naraw kemm l-anzjani huma verament apprezzati mill-Knisja kif ukoll mis-soċjetà. Dan filwaqt illi saħaq li hemm l-element ta’ żgħożija anke fix-xjuħija.
L-Isqof Frendo qal li huwa importanti ħafna li l-anzjani jibqgħu jħarsu lejn il-ħajja b’ċertu entużjażmu apparti li jkomplu jżommu ħajja attiva. Barra minn hekk, Monsinjur Frendo insista fuq l-importanza li naprezzaw lill-anzjani – dan għaliex huma l-persuni li jikkomunikaw il-valuri.
//= $special ?>