Lokali

“Flimkien se naslu biex ikollna Malta aħjar” – Alex Perici Calascione

“Il-Partit Nazzjonalista qiegħed hawn, preżenti, lest u determinat. Flimkien magħkom ikoll, naslu sabiex mill-ġdid f’pajjiżna terġa’ tirrenja d-deċenza, naslu biex nerġgħu nimirħu b’suċċess f’setturi ekonomiċi serji, naslu biex nassiguraw ħajja deċenti u dinjituża għal kulħadd, naslu biex nerġgħu nibnu u nsaħħu r-reputazzjoni ta’ pajjiżna, naslu għal dak li jixirqilna lkoll, hu xinhu t-twemmin politiku tagħna – li jkollna Malta Aħjar.”

Kien dan il-qofol tad-diskors li wassal il-Viċi-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Perici Calascione meta kien qed jindirizz l-mass meeting li saret bħala parti mill-attivitajiet li qed ifakkra l-kisba tal-Indipendenza.

Fid-diskors tiegħu Alex Perici Calascione tkellem dwar il-kisba tal-Indipendenza ta’ pajiżna.. proċess li ma kienx wieħed faċli iżda l-Partit Nazzjonalista baqa’ determinat u sod għaliex il-ġlieda li jkun iċċelebrat dan il-jum ma kienx ġlieda biss għall-Partit iżda dmir għall-pajjiż kollu kemm hu.

Huwa fakkar kif Gvern Nazzjonalista seta’ jkompli jħaddem dak kollu li tagħtu l-Indipendenza… fejn kienu s-snin fejn Eddie Fenech Adami b’team formidabbli ta’ nies madwaru bena mill-ġdid l-infrastruttura kollha ta’ pajjiżna. Alex Perici Calascione qal li dan wassal biex pajjiżna seta’ jfassal t-tieni l-akbar pass importanti fl-istorja politika ta’ Malta… is-sħubija fl-Unjoni Ewropea li kulħadd ibbenefika minnha. Wara, bit-tmexxija ta’ Lawrence Gonzi, din is-sħubija ssarrfet f’titjib tal-livell tal-għajxien għal kulħadd.

Il-Viċi Kap tkellem dwar iż-żagħżagħ li qed iħossu dejjem aktar li l-futur tagħhom m’għadux hawn iżda barra minn Malta, dwar dawk li f’Malta u Ghawdex jagħmlu minn kollox biex jgħixu f’rispett lejn il-ligi u li jrabbu lil uliedhom b’għaqal u s-sagrifiċċji, biex imbagħad jaraw madwrhom tinżera u tinbet mentalità fejn xejn mhu xejn.

Huwa staqsa dwar xi tfisser l-indipendenza għal dawk li jbatu ġenwinament minn kundizzjonijiet ta’ diċabbiltà li jsibu t-talba tagħhom għall-benefiċċji miċħuda filwaqt li mijiet issa nafu li marru armati b’ċertifikati b’firem foloz ta’ speċjalisti u bdew jirċievu l-mijiet fix-xahar. Xi tfisser l-Indipendenza għal omm, il-missier u l-familja ta’ Jean Paul Sofia li spiċċa vittma ta’ rgħiba bla qies li ħatfet lil dan il-pajjiż.

Alex Perici qal li l-Partit Nazzjonalista jista’ joffri tama għal dan kollu… tama mfassla fuq twemmin qawwi fil-kapaċitajiet tal-Maltin u l-Għawdxin. Saħaq li jemmen li anke jekk pajjiżna spiċċajna biex ma jiflaħx jisma’ każ wara l-ieħor ta’ abbuż, taħwid u ksur tal-liġi, pajjiżna kapaċi  jgħeleb anke dawn l-sfidi u jerġa’ jibda jemmen bi sħiħ fih innisfu.

Jemmen li minkejja kollox, fis-snin li ġejjin se nkunu kapaċi mill-ġdid indawru r-rotta biex pajjiċna jimxi fid-direzzjoni tal-ġid ta’ veru – fejn inżommu dak kollu li hu tajjeb fejn kulħadd ikun l-istess quddiem il-liġi… fejn pajjiżna jibda mill-ġdid jissemma fil-ġid tas-suċċess u tal-iżvilupp ta’ veru u mhux fil-mistħija tal-korruzzjoni u tal-assassinju kriminali ta’ min kixef dil-korruzzjoni. Alex Perici qal li pajjiżna għad jitmexxa mill-ġdid minn Prim Ministru onest u serju u li jiġdeb rispett.

Il-Viċi Kap saħaq li dan it-twemmin, din il-konvinzjoni udin id-determinazzjoni, weħidhom mhumiex biżżejjed hekk kif kulħadd irid jaħdem biex pajjiżna jingħatalu verament dak li jixraqlu.