Lokali

“Il-PN lest biex ikompli jiġġieled għad-demokrazija, għal-libertà u l-ġustizzja” – Bernard Grech

“Il-Partit Nazzjonaslista se jkompli jiġġieled għad-demokrazija, għal-libertà ħielsa u għall-ġustizzja; l-Partit Nazzjonalita se jkompli joffri politika għal ħajja aħjar f’pajjiżna.”

Messaġġ b’saħħtu li twassal mill-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech meta l-Erbgħa filgħaxija indirizza mass meeting li saret fi Pjazza Tritoni; attività li permezz tagħha ntlaħaq il-qofol tal-festi li fakkru l-kisba tal-Indipendenza.

Ritratt: Josef Galea

Waqt id-diskors tiegħu l-Kap tal-Partit Nazzjonalista tkellem dwar ir-racket ta’ serq mill-benefiċċji soċjali, il-problema tat-traffiku f’pajjiżna, il-pjaga tal-għoli tal-ħajja, id-dewmien fl-isptar, in-nuqqas ta’ investiment fid-distribuzzjoni tad-dawl, il-kriżi tal-iskart fost affarijiet oħra.

Quddiem il-folla miġbura, Bernard Grech saħaq li n-nies miġbura qed jifhmu li pajjiżna għaddej minn żmien ieħor fejn jeħtieġ li nigħaqdu bħala polu wieħed. Poplu wieħed kontra l-qerq, kontra s-serq u kontra t-tmexxija maħmuġa li ħakmet dan il-pajjiż.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li filwaqt li hawn min qed ifittex il-ġustizzja u jissielet biex jieħu dak li hu tiegħu bi dritt iżda minflok għandna Prim Ministru u niesu li jbiegħu diżabbiltà fittizja għal gwadann tagħhom biss, biex jieħu l-vot u jibqa’ fil-poter. Bernard Grech saħaq li għall-Gvern ta’ Robert Abela d-diżabbiltà hija biss vot. Huwa sostna li f’pajjiżna m’għadux isaltan il-ħaqq għaliex il-Kummissarju tal-Pulizija sieket kif ukoll għandna istituzzjonijiet li nħakmu u ma jinsabux hemm biex jiggarantixxu d-drittijiet tagħna.

Ritratt: Matthew Tabone

Bernard Grech qal li l-Partit Nazzjonalista jemmen f’ekonomija ta’ kwalità b’industriji moderni li jħallsu pagi tajbin lil kull min jaħdem. Huwa saħaq li pajjiżna jeħtieġ viżjoni li ma jiddependix fuq l-iskjavitù modern iżda fuq id-dinjità ta’ kull wieħed u waħda minna.

Waqt id-diskors tiegħu Bernard Grech aċċenna li dan is-sajf kien ikkaratterizzat minn skandlu wara l-ieħor fejn l-ewwel ivvutaw kontra Inkjesta Pubblika b’rabta mal-mewt ta’ Jean Paul Sofia, il-qtugħ tad-dawl għal jiem sħaħ waqt il-mewġa tas-sħana fost affarijiet oħra.

Dwar il-problema tal-iskart Bernard Grech qal li l-unika soluzzjoni għall-Gvern kienet li l-poplu jiffriża l-iskart organiku. Huwa qal li r-residenti qed ibatu l-konsegwenzi ta’ din il-kriżi bil-Gvern ikompli jnaqqar il-poter tal-Kunsilli Lokali dan għaliex il-Gvern ta’ Robert Abela qatt ma emmen fil-Kunsilli Lokali. Bernard Grech qal li illum qed inbatu l-konsegwenzi ta’ dawn id-deċiżjonijiet.

Bernard Grech saħaq li l-politika tal-Partit Nazzjonalista twassal biex il-poplu jkollu ħajja aħjar f’pajjiżna. Huwa qal li jistgħu jwiegħdu dan għaliex il-Partit Nazzjonalista qed jisma’, jiddiskuti u jfassal politika li l-poplu Malti u Għawdxi tant għandu bżonn.