Id-Direttur Ġenerali tad-Dipartiment għas-Servizzi Edukattivi Emile Vassallo baqa’ ma ħax passi konkreti dwar allegazzjonijiet serji ta’ bullying, mobbing u vittimizzazzjoni fuq uħud mil-istaff ta’ Primarja fil-Kulleġġ Santa Tereża. Dan intqal fi stqarrija maħruġa mill-UPE.
Minkejja illi d-Direttur Ġenerali, is-Segretarju Permanenti u anki l-Ministru kienu infurmati xhur sħaħ b’allegazzjonijiet mill-aktar serji rigward allegazzjonijiet ta’ bullying u intimidazzjoni mill-Kap tal-Iskola kkonċernata, baqgħet ma ttieħdet ebda azzjoni immedjata. Is-sitwazzjoni tħalliet tiddeterjora xhur sħaħ sa tmiem is-sena skolastika.
Fi kliem il-UPE, issa jidher illi l-Kap tal-Iskola tista tbiddel xi klassijiet oħra fl-aħħar mument u dan qed ikompli jżid it-tensjoni fost l-edukaturi ta’ din l-iskola li ma humiex tal-qalba. Jidher illi dan iċ-ċaqliq huwa intenzjonat biex jgħatti il-fatt illi oriġinarjament kien għalliem wieħed biss li tħalla mingħajr konferma tal-klassi u li kien qed jidher ovju illi dan tħalla mdendel għax il-Kap ma taħmlux. Il-UPE issostni illi jekk jitħalla jsir dan iċ-ċaqliq, dan imur kontra prinċjipju bażiku tal-pedagoġija: illi l-għalliema għandhom jingħataw ħin xieraq biex jippreparaw minn qabel għall-klassijiet li ser ikunu jgħallmu. Fuq kollox jekk isiru dawn il-kambjamenti, mhuma ser iservu ta’ xjen ħlief li jkomplu joħolqu firda fost l-istaff.
It-tensjoni tal-inċertezza dwar din l-iskola qegħdha kull ma jmur tixħet aktar dawl fuq skandli akbar u li minħabba fihom jidher illi xi ħadd għandu interess jitfa’ kollox taħt it-tapit. F’dan ir-rigward il-UPE tkompli tinsisti illi d-Direttur Ġenerali tad-DES għandu jagħti ħafna tweġibiet, fosthom:
- Jekk hux minnhom illi il-Kap tal-Iskola ikkonċernata tħalliet iġġib magħha l-Assistent Kap li kellha fl-iskola preċedenti? Arranġamenti bħal dawn huma permessibbli fis-Serviżż Pubbliku? Jekk iva, Kapijiet ta’ Skejjel oħra jistgħu jagħmlu talbliet simili fil-futur? Jekk le, min awtorizza din il-manuvra u x’ passi ittieħdu jew ser jittieħdu fir-rigward?
- Jekk hux minnu illi l-Kap tal-Iskola organizzat laqgħat mal-ġenituri minn wara dahar l-għalliema? Xi skop kellhom dawn il-laqgħat? Fuq kollox minn awtorizza dawn il-laqgħat?
- Huwa minnu illi l-Kap tal-Iskola organizzat party tal-Milied fil-premises tal-Iskola stess u li għalih kienu mistiedna l-istaff tal-qalba biss? Min awtorizza dan il-party/riċeviment u min ħallas għalih?
- Huwa minnu li xi staff tal-qalba tal-Kap tal-Iskola qed jingħataw konċessjonijiet sabiex ikunu jistgħu jagħmlu xogħol ieħor minfok dak propju tagħhom, fosthom attivitajiet relatati mal-agrikoltura?
- Huwa minnu li xi membri tal-istaff qed iġibu prodotti agrikoli l-iskola u x’qed isir minnhom? Qed teħodhom il-Kap?
- Huwa minnu illi fl-iskola qed isir skambu jew tisrif ta’ flejjes ma’ negozju/azzjenda privata? Jekk iva, tista tingħata spjega skont liema qafas regolatorju ingħataw tali permessi? Jekk le, x’ passi ser jittieħdu?
- Huwa minnu illi l-Kap tal-Iskola kienet ser tigi trasferita u kienet diga’ giet assenjata skola oħra, imma din id-deċizjoni giet riversata? Jekk iva, minn min?
Il-UPE tinsisti illi d-Direttorat għas-Servizzi Edukattivi għandu jwieġeb mill-aktar fis għal dawn id-domandi. Fin-nuqqas, il-UPE jkolla raġun tifhem illi xi ħadd għandu interess illi jitfa’ kollox taħt it-tapit u li kien għalhekk illi r-rapporti dwar bullying baqgħu fuq l-ixkaffa xhur sħaħ! L-UPE terġa ittenni illi l-edukaturi ħaqqhom aħjar!
//= $special ?>