Kummerċ Lokali

Investiment ta’ €20 miljun mill-Malta Public Transport

Il-kumpanija Malta Public Transport ħabbret investiment storiku ta’ €20 miljun fl-elettrifikazzjoni tas-sistema tat-trasport pubbliku bl-inawgurazzjoni tal-ewwel charging depot elettriku għall-iċċarġjar tal-karozzi tal-linja flimkien mat-tnedija ta’ 30 karozza tal-linja ġodda, li jaħdmu kompletament bl-elettriku u mingħajr emissjonijiet.

“Aħna kburin li dħalna f’kapitlu ġdid fejn jidħol it-trasport pubbliku sostenibbli f’Malta permezz tat-tnedija tal-karozzi tal-linja elettriċi u ċ-charging depot tagħna,” irrimarka Felipe Cosman, iċ-Chairman tat-Trasport Pubbliku ta’ Malta, waqt iċ-ċerimonja tat-tnedija uffiċjali.

“Dan l-investiment sinifikanti jirrifletti l-impenn tagħna li nipprovdu sistema ta’ trasport aktar ekoloġika, effiċjenti u ċċentrata fuq il-klijent għall-komunità tagħna. Flimkien, nistgħu nagħmlu differenza sinifikanti fil-vjaġġ tagħna lejn futur aktar nadif u sostenibbli għat-trasport f’Malta.”

Dan l-investiment se jwassal għal żieda fil-frekwenzi tas-servizz fuq rotot ewlenin, li jirriżulta f’ħinijiet ta’ stennija mnaqqsa u aktar postijiet disponibbli għall-pubbliku fuq il-karozzi tal-linja. Dan jallinja wkoll mal-għan li jitnaqqas il-konġestjoni tat-traffiku u t-tniġġis fit-toroq billi jinkoraġġixxi alternattivi ta’ trasport sostenibbli.

“F’Awwissu 2023, ilħaqna tragward sinifikanti billi ġarrejna ‘l fuq minn 6 miljun passiġġier għall-ewwel darba,” ħabbar Felipe Cosmen, iċ-Chairman ta’ Malta Public Transport. “Din hi aħbar pożittiva ħafna. Huwa sinjal ċar tal-fiduċja fl-operat tagħna tal-linja u juri li n-nies f’Malta huma lesti li jużaw il-karozza tal-linja. Madankollu, ma nistgħux nieqfu hawn. Irridu nkomplu nagħmlu t-trasport pubbliku aktar attraenti. Qed nikkollaboraw mal-Ministeru tat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali, sabiex nidentifikaw soluzzjonijiet fattibbli fi żmien qasir u medju li jtaffu l-konġestjoni fit-toroq tagħna.”

Il-karozzi tal-linja elettriċi King Long Amigo ġodda ta’ 12-il metru huma mgħammra b’kumditajiet moderni bħal aċċessibbiltà għal kulħadd, arja kondizzjonata, USB chargers, u Wi-Fi b’xejn, sabiex itejbu l-esperjenza tal-passiġġieri b’rikba aktar kwieta u inqas ċaqlieq. Dawn il-karozzi tal-linja elettriċi huma mgħammra bi batteriji moderni, li joffru firxa ta’ sa 300 kilometru fuq charge waħda. Il-biċċa l-kbira tal-karozzi tal-linja jistgħu jiġu ċċarġjati matul il-lejl, li jiżgura servizz bla interruzzjoni minn filgħodu sa filgħaxija, bl-għażla li jiġu ċċarġjati b’mod veloċi fiċ-charging depot matul il-ġurnata.

L-introduzzjoni ta’ dawn il-karozzi tal-linja elettriċi se tnaqqas b’mod sinifikanti l-emissjonijiet tat-tailpipe, tnaqqas l-emissjonijiet tal-gassijiet serra b’madwar 70%, timminimizza t-tniġġis tal-istorbju, u tippromwovi l-effiċjenza tal-enerġija. Dan se jirriżulta fi tnaqqis stmat ta’ 1,800 tunnellata ta’ emissjonijiet ta’ CO2 fis-sena meta mqabbla mal-karozzi tal-linja diesel.

L-istazzjonijiet tal-iċċarġjar joffru firxa wiesgħa ta’ enerġija, minn 20kWh sa 240kWh, grazzi għal soluzzjoni unika ta’ żewġ sockets. Is-sistema ta’ ċċarġjar ta’ 3MW, li taqdi sa 30 karozza tal-linja fl-istess ħin, hi inizjattiva pijuniera f’Malta.

L-impenn ta’ Malta Public Transport lejn l-elettrifikazzjoni beda f’Jannar 2020 bil-proġett pilota ta’ karozza tal-linja elettrika fil-gżejjer Maltin. Is-sena li għaddiet, żewġ karozzi tal-linja kompletament elettriċi ta’ 12-il metru ġew introdotti fil-flotta, li ppermettew ittestjar komprensiv u preparazzjoni għat-tnedija tal-flotta elettrika l-ġdida.

Minbarra l-karozzi tal-linja elettriċi, Malta Public Transport għaddeja bi proġett pilota ieħor bi minibus tal-elettriku biex tivvaluta l-prestazzjoni tagħha fuq rotot ta’ domanda baxxa u fil-qalba tal-irħula, sabiex toffri għażla ta’ kapaċità iżgħar