Lokali

“L-abbużi mill-benefiċċji soċjali hi kriżi li qed ikollha impatt negattiv u ta’ ħsara fuq is-soċjetà Maltija”

“Inħossu li l-kriżi preżenti tal-abbużi tal-benefiċċji tad-diżabiltajiet severa hi kriżi li qed ikollha impatt kbir negattiv u ta’ ħsara fuq diversi livelli tas-soċjetà Maltija.”

Kienet din ir-reazzjoni tas-Social Assistance Secretariat (SAS) flimkien mal-Azzjoni Kattolika Maltija (AKM) u ż-Żgħażagħ Azzjoni Kattolika (ŻAK) quddiem l-aħħar racket ta’ frodi li sar mill-Partit Laburista fil-benefiċċji soċjali.

Fi stqarrija qalu li dan l-abbuż qed iwassal sabiex titnawwar id-demokrazija ta’ pajjiżna u għalhekk qed tiddgħajjef ukoll il-fibra tas-soċjetà in ġenerali – għax meta għandek persuni li qed ibigħu l-vot tagħhom sabiex jisirqu dak li mhumiex intitolati għalih, tkun qed tiddgħajjef il-vuċi tal-persuni li jagħmlu dmirhom meta jmorru jivvutaw b’kuxjenza.

Saħqu li jafu li diġà hawn bosta persuni, speċjalment żgħażagħ f’pajjiżna li qed jitilfu l-fiduċja fl-istituzzjonijiet u s-sistema demokratika tagħna. F’pajjiżna għandna ħidma formattiva importanti ħafna għaddejja mill-għaqdiet però din trid tkun imsaħħa bl-eżempju li jingħata mill-istituzzjonijiet tagħna u għalhekk hu essenzjali li jkun hemm trasparenza sabiex il-fiduċja tan-nies terġa’ tiġi mibnija u din il-ħidma formattiva ma tisfax fix-xejn.

It-tieni, din il-kriżi ħolqot sitwazzjoni fejn persuni li huma intitolati għal dan il-benefiċċju għax vera għandhom diżabilità severa qed jiġu stigmatizzati, u saħansitra attakkati – għax ħafna nies mhux qed jagħrfu li hemm persuni li bi dritt jieħdu dan il-benefiċċju imma qed jitfgħu lil kulħadd fl-istess keffa. Dan qed iwassal għal tbatija żejda fost dawn il-persuni li jbatu min diżabiltajiet severi, għax qed iħossuhom attakkati inġustament.

Barra min hekk, dawn il-mijiet ta’ persuni li rċevew dan il-benefiċċju, allavolja ma kienx jistħoqqilhom, serqu miljuni minn fondi pubbliċi – fondi li kienu setgħu jintużaw sabiex jgħinu familji u individwi oħra li verament huma fil-bżonn, setgħu jiġu nvestiti fl-edukazzjoni, fis-saħħa jew fl-ambjent. Dan is-serq iggwidat minn persuni bl-aġenda tagħhom, wassal sabiex jimmina l-fiduċja tal-poplu fis-sistema tal-benefiċċji, fit-tobba u professjonisti li ntużaw ismijithom u l-firem tagħhom b’qerq, kif ukoll naqqas il-fiduċja tal-poplu fil-membri parlamentari u l-ministri tagħna.

L-istqarrija tkompli tgħid li dawn il-mijiet ta’ persuni li ħadu dan il-benefiċċju allavolja ma kinux eliġibbli għalih, mhux kollha għamlu hekk b’konsapevolezza. Kien hemm fosthom persuni, li minħabba ċertu limitazzjonijiet emozzjonali, intelletwali jew ta’ saħħa mentali, ma kinux jafu li meta qed japplikaw għal dawn il-benefiċċji ma kinux eliġibbli għalihom. Għaldaqstant dawn il-persuni, huma wkoll vittmi, u llum qed isoffru ħafna aktar għax xi ħadd ġiegħelhom japplikaw għal dawn il-benefiċċji. Fosthom għandek persuni li peress li issa qed iħallsu lura dak li ħadu, spiċċaw fil-faqar u f’ħafna aktar tbatija milli kienu fiha qabel ma ħadu dawn il-benefiċċji.

Għaldaqstant bħalha għaqdiet u NGOs soċjali u ta’ formazzjoni qed jitolbu lill-organi tal-istat li huma responsabbli ta’ din is-sitwazzjoni sabiex jagħmlu minn kollox ħalli ssir ġustizzja u kull min żbalja, jħallas ta’ għemilu. Barra minn hekk, jipproponu li jkun hemm bdil fis-sistema ħalli jkun hemm ħafna aktar trasparenza fejn jidħlu applikazzjonijiet għall-benefiċċji soċjali ta’ kull tip. Id-dipartimeti konċernati għandhom ukoll jagħmlu ħilithom sabiex jiġu introdotti miżuri minn issa ‘l-quddiem ħalli ħadd ma jkun jista’ jixtri l-vot ta’ ħaddieħor billi jwiegħed aċċess għal benefiċċji soċjali jew akkomodazzjoni soċjali, aċċess għal trattatmenti preferenzjali eċċ. Permezz ta’ dan biss inkunu nistgħu nsaħħu d-demokrazija f’pajjiżna u b’hekk nassiguraw soċjetà ġusta mibnija fuq il-ħarsien tad-dinjità umana u l-ġid komuni.