Net News jiltaqa’ ma’ grupp ta’ tfal mill-aktar zoni milquta tal-gwerra fl-Ukrajna, fejn qasmu magħna l-esperjenza tagħhom tal-gwerra
Grupp ta’ tfal mill-aktar żoni milquta tal-gwerra fl-Ukrajna jinsabu Malta sabiex isibu ftit serħan mill-martirju li kienu għaddejijn minnu fil-Gwerra ta’ bejn l-Ukrajna u Russja – li issa ilha għaddejja aktar minn sena u nofs.
Net News kellu l-opportunità li jiltaqa’ ma’ dawn it-tfal Ukreni illi qasmu magħna l-esperjenza orribli tagħhom tal-gwerra.
Minn naħa tagħha, Inna Voloshgne – mill-NGO Soborna – irrakkuntat kif sena ilu l-irwol tagħha nbidel għal voluntiera ma’ din l-għaqda li tappoġġja tfal li tilfu lil membru tal-familja tagħhom fil-Gwerra.
Filfatt fi kliem Inna, meta din l-NGO semgħet bl-opportunità li tieħu lit-tfal Malta …. għalihom kien qisu miraklu.
Il-vjaġġ sar possibbli grazzi għal Anthony Trevisan, imprenditur u filantropu Malti-Awstraljan li ffinanzja l-vjaġġ u ħadem b’kollaborazzjoni ma’ Pierre Grech Pillow li għandu kuntatti fl-Ukrajna.
Skont, Anthony Trevisan dawn il-jiem servew ta’ mistrieħ u terapija għal dawn it-tfal mill-ħruxijiet f’arthom; bi Trevisan jtenni li t-tfal ħadu ħafna gost f’ambjent ‘il bogħod mill-ħsejjes tas-sireni u l-isparar, anke jekk it-trawma tal-gwerra tibqa’.
Intant, Louis Farrugia iċ-Chairman tal-kumpanija Simonds Farsons Cisk ippreżenta donazzjoni ta’ 8,000 ewro lill-NGO Soborna u rringrazzjahom tax-xogħol siewi li qed jagħmlu ma’ dawn it-tfal li kelhom l-opportunità jgħixu ħajja normali – imqar għal ftit jiem – il-bogħod mill-ħruxija li taf toffri l-gwerra.
//= $special ?>