Kultura Lokali

Opera is Gozo – Xahar sħiħ ta’ attivitajiet marbutin mal-Opri f’Għawdex

Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri ħabbar xahar sħiħ ta’ attivitajiet marbutin mal-Opra f’Għawdex. Ix-xahar ta’ Ottubru sar sinonimu ma’ għadd ta’ avvenimenti relatati mal-Opra li jiġu organizzati fil-gżira
Għawdxija u li huma mfittxija minn bosta dilettanti tal-Opra. Din is-sena, is-Sibt 14 ta’ Ottubru, 2023, fit-teatru tal-Opra tal-Aurora se tiġi ppreżentata l-Opra klassika “Madama Butterfly” ta’ Puccini. Dan filwaqt li fis-26 u t28 ta’ Ottubru, 2023 fit-teatru tal-Opra tal-Astra se tittella’ l-Opra distinta ta’ Verdi bi tliet atti, “Rigoletto”, l-ewwel opra tat-triloġija famuża ta’ Verdi li tinkludi wkoll “Il Trovatore” u “La Traviata”.

Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri stqarr li f’Għawdex wieħed isib żewġ teatri li jtellgħu l-opri b’solisti minn barra minn xtutna tal-anqas darba fis-sena. Din hija opportunità eċċezzjonali għat-talent Għawdxi, sabiex l-artisti Għawdxin ikunu parti minn produzzjoni ta’ kalibru u jaħdmu ma’ artisti internazzjonali li jiġu apposta Għawdex għal dawn l-Opri. Huwa sostna li Ottubru f’Għawdex sar appuntament annwali fil-kalendarju internazzjonali tal-mużika klassika u ħafna minn dawk li għandhom għal qalbhom l-Opra jagħżlu li jżuru Għawdex f’dan iż-żmien tas-sena partikolarment għal dawn l-avvenimenti. “Aħna rridu nkomplu nħeġġu dan it-turiżmu ta’ kwalità li jkompli jgħolli l-livell tal-gżira tagħna”, saħaq il-Ministru Camilleri.

Apparti l-Opri matul dan ix-xahar isiru kunċerti, esibizzjonijiet, kif ukoll workshops u attivitajiet oħra għal dawk kollha interessati. Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri temm billi stieden lil kulħadd jipparteċipa fil-programm mħejji mid-Direttorat għall-Wirt Kulturali fi ħdan il-Ministeru sabiex il-gżira Għawdxija tkompli tistabbilixxi ruħha bħala destinazzjoni rinomata għall-Opra. Għal aktar informazzjoni wieħed jista’ jżur is-sit eventsingozo.com jew jidħol fuq https://issuu.com/visitgozo/docs/opera_season sabiex jaċċessa l-programm tal-Opri f’Għawdex.