Lokali

“Poplu stmat li jkollu d-dinjità li tixraqlu” – Roberta Metsola

“Irridu naraw Malta aħjar, stabbli u li tkabbar il-prosperità. Il-poplu Malti u Għawdxi jixraqlu ħajja aħjar fejn ikollu d-dinjità li tixraqlu.”

Dan sostnietu l-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola waqt il-mass meeting fi Pjazza Tritoni bit-tema “Ħajja Aħjar f’Pajjiżna.”

Ritratt: Josef Galea

Waqt id-diskors tagħha Roberta Metsola qalet li l-Indipendenza u s-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea ma kinux deċiżjonijiet tal-mument, imma kienu deċiżjonijiet li jħarsu lejn il-futur. Hija saħqet li issa għandhom responsabbiltà li nsarrfu viżjoni tagħna għal Malta Indipendenti Ewropea.

Il-President tal-Parlament Ewropew saħqet li l-mentalità li kollox jgħaddi, m’għandux ikollha postha fid-deċiżjonijiet li jittieħdu.

Waqt id-diskors tagħha Roberta Metsola tkellmet dwar il-pjaga tal-għoli tal-ħajja, dwar il-fatt li għandna bżonn nikkreaw aktar opportunitajiet għaż-żgħażagħ, dwar edukazzjoni li għandha tħaddan l-innovazzjoni u l-kreattività u suġġetti oħra.

Roberta Mestola tkellmet ukoll dwar l-ambjent fejn saħqet li ambjent aħjar ifisser li jrid ikollna l-aqwa faċilitajiet ambjentali u li jlaħħqu mad-domanda. Hawnhekk, hija rrimarkat li dan kollu jkun possibbli b’pjan serju u deċiżjonijiet tajbin.

Hija qalet li Għawdex darna wkoll u allura jeħtieġ li lil Għawdex inħarsuh bl-aqwa mod. Hawnhekk, Roberta Mestola saħqet li Għawdex jista’ jkun il-qofol tat-tranżizzjoni diġitali fl-Ewropa u mudell ambjentali mill-aqwa.

Roberta Metsola qalet li it-tama tagħha f’Malta tiġi mill-poplu Malti u Għawdxi u se tibqa’ taħdem sabiex pajjiżna jaqbad id-direzzjoni t-tajba għaliex b’għaqal u determinazzjoni naslu.