Lokali

‘Spazju Kreattiv’ iniedi programm varjat

Esebizzjonijiet, workshops varji u taħdidiet sabiex jiżdied l-għarfien dwar diversi materji, kunċerti, films u ħafna affarijiet oħra.

Dan kollu se jkun inkluż fil-progamm ta’ Spazju Kreattiv għall-2023-2024 – programm li jieħu l-udjenza fi vjaġġ mill-isbaħ f’diversi aspetti tal-kreattività.

Staġun ġdid li għandu aktar minn 520 avveniment li jinkludu 15-il forma kreattiva differenti; kollha mogħtija l-ħajja minn madwar 350 artist.

Waqt it-tnedija tal-progamm ta’ Spazju Kreattiv c-Chairman tal-Fondazzjoni Kreattività Rupert Cefai sostna li se jibqgħu jipprovdu opportunitajiet u appoġġ lil dawk li se jkomplu jagħtu forma u jsaħħu s-settur kreattiv ta’ Malta fis-snin li ġejjin.

Cefai qal li dan il-programm kien jirrikjedi ħafna ħidma sabiex isir realtà, iżda meta tibda tara riżultati tant sbieħ ikun ta’ sodisfazzjon kbir.

Minn naħa tiegħu, id-Direttur Artistiku ta’ Spazju Kreattiv Daniel Azzopardi spjega kif Spazju Kreattiv baqa’ l-promotur ewlieni tad-dibattiti inklużivi u d-differenzi kreattivi u soċjali konvinċenti. Dan filwaqt li dan il-programm se jkompli joffri opportunitajiet sabiex il-kollaboraturi jsaħħu l-ħiliet f’tagħhom f’ambjent professjonali.

F’dan l-istaġun, il-programm huwa mfassal b’mod maħsub sabiex jilqa’ lil kull ġenerazzjoni, u jiżgura li kull anzjan bl-esperjenza tal-ħajja u kull adult żagħżugħ mimli enerġija, isibu posthom fuq il-mejda tal-kreattività.

Għat-tfal, hemm wirjiet li jsaħħru u attivitajiet li jinvolvuk fihom taħt il-varjetà li joffri l-istaġun tant popolari ta’ ŻiguŻajg.

Il-programm għall-2023-2024 ta’ Spazju Kreattiv huwa stedina miftuħa għal post li fih il-kreattività ma għandhiex limiti, fejn il-komunità, il-kreattività u d-diversità kulturali jsiru ħaġa waħda bla xkiel.