Lokali

Trab, storbju u kaos sħiħ fil-Pjazza tal-Mosta

Ritratt: Matthew Tabone

Trab. Storbju. Periklu kbir, zoni magħluqin u kaos sħiħ.

Din hija s-sitwazzjoni preżenti fil-Pjazza tal-Mosta hekk kif ix-xogħolijiet fil-qalba ta’ din il-lokalità issa ilhom ikaxkru għal aktar minn sena.

Ritratti miġbudin mill-crew ta’ Net News matul il-jum tal-Erbgħa jikkonfermaw d-diżorganizzazjoni li għad hemm fil-Pjazza. Dan hekk kif wara li għaddiet il-festa ta’ Santa Marija x-xogħolijiet komplew; iżda kollox qed jindika li dan il-proġett baqalu żmien twil sabiex ikun konkluż.

Fiċ-ċentru tal-Mostra, quddiem ir-Rotunda, qed ikun hemm storbju kbir matul il-jum kollu li żgur qed ikun ta’ inkonvenjent għal ħafna nies.

Matul dawn l-aħħar xhur bosta persuni ilmentaw li fil-Pjazza tal-Mosta hemm periklu kbir u weġġgħu numru kbir t’anzjani bil-maġġoranza jispiċċaw iqattgħu perjodu l-isptar.

Għaldqastant fuq il-midja soċjali r-residenti Mostin qed jinsistu li l-awtoritajiet ilhom ikarkru għal xhur sħaħ tant li fi kliemhom stess “il-lokalità tal-Mosta qatluha” hekk kif kaġun ta’ dawn ix-xogħolijiet in-nies qed jevitaw li jersqu lejn din il-lokalita.

Apparti minn hekk, sidien ta’ negozji fil-pjazza u fil-madwar esprimew li x-xogħol naqas sew tant li jinsabu f’riskju li jagħlqu l-bibien darba għal dejjem.