Lokali

Iċċelebrata quddiesa u jsir it-tqegħid tal-fjuri fl-okkażjoni ta’ Jum l-Indipendenza

Joseph Galea

Iċ-ċelebrazzjonijiet ta’ dan il-jum bdew mat-tokki ta’ nofsillejl bejn l-Erbgħa u l-Ħamis, hekk kif bħalma jsir ta’ kull sena, ittellgħet il-bandiera Maltija waqt id-daqq tal-Innu Malti.

Imbagħad, il-Ħamis iċ-ċelebrazzjonijiet bdew permezz ta’ salut nazzjonali mill-Banda tal-Forzi Armati u spezzjoni tal-Gwardja tal-Unur mal-wasla tal-President ta’ Malta, George Vella f’Misraħ San Ġwann, il-Belt.

Fid-9:30 ta’ filgħodu sar il-Pontifikal Statali fil-Konkatidral ta’ San Ġwann, immexxi mill-Arċisqof ta’ Malta, Charles J. Scicluna, u li għalih attendew l-ogħla awtoritajiet tal-pajjiż, fosthom il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Bernard Grech akkumpanjat minn martu AnneMarie Grech, il-President ta’ Malta u s-Sinjura Vella, kif ukoll is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista, Michael Piccinino, deputati u kandidati tal-Partit Nazzjonalista għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew.

Bħal ma jsir kull sena fil-jum tal-Indipendenza il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech kien fost il-mexxejja tal-Istat li poġġew kuruni tal-fjuri f’riġlejn il-Monument fil-Furjana li jissimbolizza l-kisba tal-Indipendenza. Fost dawk li poġġew il-kuruni kien hemm ukoll il-President ta’ Malta, George Vella kif ukoll il-Ministru Owen Bonnici li kien preżenti fin-nuqqas tal-Prim Ministru.

L-armata ippartecipat f’din iċ-ċerimonja billi sellmet lin-nazzjon b’21 tir u ċ-ċelebrazzjoni intemmet bid-daqq tal-Innu Malti mill-banda tal-Forzi Armati ta’ Malta.

Il-festi ta’ Jum l-Indipendenza jilħqu il-qofol tagħhom illejla b’kunċert ppreżentat mill-Orkestra Filarmonika ta’ Malta taħt id-direzzjoni tas-Surmast Michael Laus fit-Teatru Manoel b’xogħolijiet ta’ diversi kompożituri ta’mużika klassika Maltin jew ta’ nisel Malti.