Il-Polonja għamlitha ċara li mhix se tkompli’ tissupplixxi l-armamenti lill-Ukrajna — bil-Prim Ministru Pollakk, Mateusz Morawiecki, itenni li pajjiżu se jikkonċentra fuq it-tisħiħ tad-difiżi tiegħu bl-inklużjoni ta’ armamenti aktar moderni.
Ir-rimarki qed jikkaratterizzaw it-tensjoni ġdida li nibtet bejn l-Ukrajna u l-Polonja, alleata kbira ta’ Kiev u li diġà bagħtet kwantità ta’ tankijiet tal-gwerra u ajruplani militari lill-Ukreni biex jgħinuhom jirreżistu l-invażjoni ta’ pajjiżhom mill-Armati tar-Russja.
Aktar kmieni fil-ġimgħa, il-Polonja kienet bagħtet għall-Ambaxxatur Pollakk biex tesprimi dispjaċir għall-kummenti tal-President Ukren Volodymyr Zelensky lin-Nazzjonijiet Uniti u wara li l-Polonja, l-Ungerija u s-Slovakkja estendew il-projbizzjoni għall-qamħ mill-Ukrajna.
Zelensky kien esprima inkwiet talli, skont hu, uħud mill-Alleati Ewropej tal-Ukrajna biddlu l-kwistjoni tal-qamħ f’ ‘teatru politiku’ – bil-Gvern Pollakk jiċħad dan bħala diskors mhux ġustifikat peress li l-Polonja ilha tappoġġja lill-Ukrajna mill-bidu tal-gwerra.
Intant, fl-aħħar sigħat, il-Polonja u l-Ukrajna pruvaw inaqqsu mill-intensità tas-sitwazzjoni – bil-Prim Ministru Morawiecki jenfasizza, waqt intervista, li pajjiżu xorta qed jgħin lill-Ukreni biex jegħlbu ‘lill-barbaru Russu’ fir-rwol ta’ hub militari.
Il-hub ta’ Rzeszow qed jiffunzjona bħala parti minn ftehim tal-Polonja mal-Istati Uniti u n-NATO — madankollu, Morawiecki ma jaqbilx li s-swieq tal-Polonja jispiċċaw distabbilizzati mill-importazzjoni tal-qmuħ mill-Ukrajna.
//= $special ?>