Lokali

Imut l-eks President tal-UĦM Gejtu Tanti

Fl-aħħar sigħat, tħabbret il-mewt tal-eks President tal-UĦM Gejtu Tanti li għal madwar 25 sena, ħadem fil-qasam trejdunjonistiku.

Kien fl-1998, meta flimkien ma’ Gejtu Vella, Tanti kien daħal fit-tmexxija tal-Union Ħaddiema Magħqudin bħala President. Huma fil-fatt kienu l-persuni fil-UĦM li imbuttaw u stinkaw sabiex pajjiżna jissieħeb fl-UE.

Tanti kien daħal fis-servizz pubbliku fl-1976 u fforma parti mill-Union Ħaddiema Magħqudin fl-1991 sakemm daqs 7 snin wara laħaq l-għola grad fl-istess Union. Hu żamm il-pożizzjoni ta’ President għal 13-il sena meta fl-2011 irritorna għas-servizz pubbliku fejn ġie appuntat direttur tal-Employment and Training Corporation f’Lulju ta’ dik is-sena.

Tul is-snin ta’ xogħol, Tanti rrapreżenta lill-UĦM u lill-Confederation of Malta Trade Unions permezz tal-parteċipazzjoni tiegħu f’konferenzi varji organizzati mill-International Labour Organisation, International Trade Union Confederation, European Trade Union Confederation, u European Federation of Public Service Employees, fost oħrajn.

Gejtu Tanti kien miżżewweġ lil Rose u kellhom tliet itfal.

Fost dawk li selmu l-memorja ta’ Tanti kien hemm il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Bernard Grech fejn permezz ta’ post fuq Facebook qal li Gejtu kien id-definizzjoni ta’ trejdunista li ħaddan miegħu l-ħaddiem Malti u x-xogħol b’viżjoni Ewropea.

Intant fi stqarrija, il-Partit Nazzjonalista wkoll sellem il-memorja ta’ Gejtu Tanti, u sostnew kemm hu  kien imbutta u stinka sabiex pajjiżna jissieħeb fl-Unjoni Ewropea. Il-PN iddeskrivewh bħala d-defenizzjoni ta’ ħaddiem li ħadem fil-qasam trejdunjonistiku għal ħaddiema oħra.