L-Ażerbajġan qed jiċħad ‘bla riservi’ ir-rapporti li l-militar tiegħu qed jabbuża l-kundizzjonijiet ta’ ftehim għal waqfien mill-ġlied fir-reġjun separatista ta’ Nagorno-Karabakh…Reġjun li ilu s-snin jixpruna l-ostilità u l-vjolenza bejn l-Ażerbajġan u l-Armenja, u fejn din il-ġimgħa żbroffa mill-ġdid il-ġlied intensiv.
Fl-aħħar sigħat – u minkejja ċ-ċaħda mill-Gvern ta’ Baku – setgħu jinstemgħu l-ħsejjes tal-isparar mill-kapitali ta’ Nagorno-Karabakh u mhumiex esklużi li z-zona mill-ġdid tkun suġġetta għal aktar perjodi ta’ vjolenza.
L-isparar kien qed jinstama’ miċ-ċentru ta’ Khankendi – magħruf bħala Stepanakert mill-Armeni – u lbieraħ bdew jiċċirkulaw il-filmati tan-nies jiġru għall-kenn fost l-isparar tal-azzarini fl-inħawi.
L-aħħar ftehim għall-waqfien mill-ġlied kien sponsorjat mir-Russja u bħalissa, it-truppi mal-qawwiet Russi għaz-zamma tal-paċi qed jevakwaw liċ-ċivili Armeni-etniċi mill-aktar inħawi ta’ periklu.Dan meta l-qawwiet Armeni etniċi u l-Ażeri kellhom it-taħditiet biex jinnegozjaw l-integrazzjoni ta’ Nagorno-Karabakh bħala parti ‘indiskutibbli’ tal-Ażerbajġan.
It-taħditiet setgħu jsiru wara talanqas 24 siegħa ta’ battalji bla heda u, ilbieraħ, il-qawwiet Armeni lokali qalu li l-Ażerbajġan ‘kien qed juża varjetà ta’ armamenti bil-ħsieb li jwassal mill-ġdid għall-vjolenza’.
L-osservaturi indipendenti ilhom mill-aħħar tal-2022 miċħudin mill-aċċess għal Nagorno-Karabakh u mindu l-Ażerbajġan beda jissikka l-morsa madwar ir-reġjun li baqa’ sallum fi stat ta’ assedju.
L-Ażerbajġan issa qed jaħseb biex jieħu kontroll sħiħ ta’ Nagorno-Karabakh fejn qed jgħixu madwar 120,000 Armeni etniċi,. Dan ukoll meta r-reġjun hu rikonoxxut bħala parti mit-territorju Ażeri min-naħa tal-komunità internazzjonali.
//= $special ?>