Lokali

Skandlu benefiċċji: ħadd ma jrid iġorr responsabbiltà politika

Tkompli titħabbel il-kobba marbuta mar-racket ta’ frodi fil-benefiċċji soċjali – fordi li fih hemm imdaħħla esponenti tal-Partit Laburista.

Dan hekk kif jidher li l-membri tal-Kabinett,jew għallinqas uħud minnhom, ma kinux jafu b’dan il-frodi qabel l-aħbar ħarġet fil-media ftit tal-ġimgħat ilu.

U dan ikkonfermatu proprju waħda mill-Ministri ta’ Robert Abela, il-Ministru Miriam Dalli, illi qalet b’mod ċar li saret taf b’dan is-serq ta’ miljuni ta’ ewro meta l-aħbar ħarġet fil-media. U mhux meta irriżenja l-eks deputat Laburista Silvio Grixti sentejn ilu.

Sa issa ħadd, għadu ma jrid jerfa’ responsabbilta għal dan l-aħħar skandlu li qed jaffaċċja l-Gvern ta’ Robert Abela – skandlu li fih nsterqu miljuni ta’ ewro mill-poplu Malti u Għawdxi.

Fl-aħħar jiem aktar persuni komplew jiżvelaw kif kienu esponenti tal-Partit Laburista li proprju kellmuhom u ħajruhom biex japplikaw għal dan il-benefeċċju soċjali meta dawn ma kinux intitolati għalih.

Iżda quddiem din l-evidenza kollha, il-Prim Ministru Robert Abela għadu qed jinsisti li li dan il-każ ta’ frodi huwa distanti minn Kastilja u mill-Partit Labruista.

Robert Abela innifsu ikkonferma li mill-invetigazzjonijiet li saru, kien hemm mill-inqas 160 persuna li bbenefikaw minn dan ir-racket ta’ frodi, bil-Prim Ministru ma jeskludix li dan in-numru jkompli jiżdied.