Lokali

1,723 inkjesta maġisterjali li għadhom mhux konklużi

In-numru ta’ inkjesti pendenti huwa wieħed enormi – xejn anqas minn 1,723 inkjesta maġisterjali li għadhom mhux konklużi. B’uħud minnhom ilhom pendenti snin.

Dan id-dewmien qed jaffetwa mhux ftit l-operat tal-Qorti, filwaqt li hemm pressjoni minn naħa tan-nies sabiex il-każi jinqatgħu ħalli issir ġustizzja.

Il-Partit Nazzjonalista ilu snin sħaħ jinsisti biex din il-kwistjoni tkun indirizzata; u wara ħafna tkaxkir tas-saqajn – issa – sa fl-aħħar, jidher li hemm tama li tiddaħħal sistema fejn ikun hemm Maġistrati speċifiċi għall-inkjesti.

Kien il-Ministru Jonathan Attard illi ħabbar dan il-pjan, meta l-Ġimgħa filgħodu sejjaħ lill-ġurnalisti, u spjega li se jkun hemm erba’ Maġistrati għal dan l-iskop speċifiku. Din il-proposta oriġinarjament kienet saret mill-eks Deputat Nazzjonalista Franco Debono. Iżda l-Gvern, għal dawn is-snin kollha, baqa’ jitratjeni milli jimplimentaha.

Intant, il-Ministru kien mistoqsi wkoll dwar il-kontroversja li inqalghet wara li t-Times żvelat it-tour li kienu ingħataw membri tal-ġudikaturi fuq is-set tas-sequel tal-film ‘Gladiator’. B’Jonathan Attard iħossu skomdu immens iwieġeb din id-domanda speċifika.

Dakinhar tat-tour, il-membri tal-ġudikatura kienu ħadu sehem fi quiz u ingħataw ikla mill-Film Commission.