Internazzjonali

Il-Gwerra fl-Ukrajna: Zelensky iżur il-Kanada fost l-appelli ripetuti għall-għajnuna

Il-President tal-Ukrajna Volodymyr Zelensky jinsab il-Kanada għall-ewwel żjara tiegħu f’dan il-pajjiż mindu l-Armati tar-Russja invadewlu pajjiżu fi Frar tal-2022. Iż-żjara ma ngħatatx pubbliċità minn qabel u qed titqies bħala parti minn impenn biex ma tinbitx ċerta bruda fuq in-naħa tal-Alleati ta’ Kiev li jistgħu ma jkomplux bil-livell attwali ta’ għajnuna militari li (bħalissa) qed issaħħaħ ir-reżistenza tal-Ukreni.

Mal-wasla tiegħu f’Ottawa, Zelensky u martu, Olena Zelenska, ingħataw merħba kordjali mingħand il-Prim Ministru Kanadiż Justin Trudeau – bil-Kanada qed tkompli ssostni l-impenn tagħha biex tgħin lill-poplu Ukren. Intant, Zelensky, wara, indirizza lill-Parlament Kanadiż fejn mill-ġdid talab l-appoġġ mingħand pajjiż li diġà provda l-armamenti, it-tankijiet tal-gwerra u t-taħriġ lis-suldati Ukreni.

Zelensky, nhar il-Ħamis, kien iltaqa’ mal-President Amerikan Joe Biden fl-Istati Uniti — u waqt li Biden approva fondi addizzjonali ekwivalenti għal aktar minn 280 miljun ewro lill-Ukrajna, il-Polonja għamlitha ċara li mhix se tipprovdi aktar armamenti lil Zelensky għal żmien indefinittiv.

Filwaqt li l-Polonja u l-Ukrajna qed jagħmlu minn kollox biex jimminimizzaw kull diskors dwar ‘problemi’ fuq livell bilaterali, hu wkoll sinifikanti li l-Istati Uniti żammet lura milli tipprovdi lill-Ukreni bil-missili għal fuq id-distanzi twal bħalma qed jitlob Zelensky. Madankollu, il-Polonja għamlitha ċara wkoll li se tirrispetta l-ftehim preċedenti għall-għajnuna militari lill-Ukrajna u meta bl-ebda mod ma trid tagħti lir-Russja x’tifhem li jista’ hemm xi diżgwid profond bejn l-Alleati.

Hu minnu wkoll li pakkett ħafna akbar ta’ 24 biljun dollaru li jrid jawtorizza l-White House (f’Washington) qed jinżamm iffriżat, b’numru ta’ Repubblikani fl-Oppożizzjoni qed jargumentaw li dawn il-flus għandhom jintefqu fuq l-issues domestiċi.