L-Ukrajna assumiet ir-responsabbiltà għal attakk bil-missili fuq il-kwartieri ġenerali tal-Flotta Russa tal-Baħar l-Iswed fil-Krimea…..Attakk li qed jissemma fost l-aktar effettivi u awdaċi fuq l-interessi militari tal-Kremlin mindu t-truppi ta’ Vladimir Putin invadew it-territorji tal-Ukreni fi Frar tal-2022.
L-indikazzjonijiet huma li l-attakk twettaq mill-qawwiet tal-ajru ta’ Kiev li użaw il-missili tat-tip Storm Shadow provduti lill-Ukreni mingħand ir-Renju Unit.
L-ewwel filmati urew d-dħaħen telgħin mill-bini tal-kwartieri li jidhru li ntlaqtu direttament mill-missili u meta mifhum li krollat parti mill-istruttura ftit wara.
Il-Ministeru tad-Difiża Russu anki rrefera għal xi persuni neqsin fl-attakk, bil-Gvernatur ta’ Sevastopol — fejn hemm il-kwartieri — iwissi lir-residenti biex ma javviċinawx iċ-ċentru ta’ din l-akbar belt fil-Krimea. Hu aktar tard qal li kienu twaqqgħu numru ta’ missili destinati għal siti oħra fil-Krimea.
Il-qawwiet Ukreni, dan ix-xahar, wettqu numru ta’ attakki fuq il-miri militari tar-Russi fil-Krimea fejn fost oħrajn irnexxielhom jeqirdu sistema tad-difiża għal kontra l-attakki mill-ajru.
Sadanittant, bastiment militari u sottomarin tar-Russi spiċċaw iġarrbu l-ħsarat waqt azzjonijiet simili mill-Ukreni fl-aħħar sigħat. Fil-fatt, din kienet l-ewwel darba li sottomarin tar-Russja ntlaqat waqt azzjoni militari mill-bidu tas-snin erbgħin u waqt l-eqqel tat-Tieni Gwerra Dinjija.
Il-kwartieri ġenerali tal-Flotta Russa tal-Baħar l-Iswed isservi bħala mira ewlenija għall-qawwiet Ukreni sewwa minħabba raġunijiet prattiċi u anki simboliċi.
U din l-azzjoni għandha tnissel sens ta’ sodisfazzjon fost l-Ukreni wara li r-Russi ilhom jużaw il-bastimenti fil-Baħar l-Iswed biex jibbumbardjaw lill-ibliet tal-Ukrajna fost il-konsegwenzi devastanti għar-residenti ċivili. Fl-istess ħin, l-osservaturi qalu li l-attakk fuq il-kwartieri tal-flotta Russa għandu jħalli l-istess impatt fuq il-moral tal-Ukreni daqs meta l-qawwiet tal-Ukrajna, xhur ilu, għarrqu l-cruiser Moskva li kien il-flagship tal-qawwiet tal-baħar Russi.
Il-Flotta tal-Baħar l-Iswed, intant, hi simbolu ewlieni u storiku tal-preżenza militari tar-Russja fir-reġjun tal-Krimea li tmur lura għal sekli.
Fl-istess ħin, il-Kremlin f’Moska kemm-il darba uża l-preżenza tal-flotta fil-Krimea biex jiġġustifika l-allegata sovranità tar-Russja fuq il-penisola tal-Krimea li r-Russi kienu ħatfu lill-Ukreni fl-2014.
//= $special ?>