Lokali Qorti

INKJESTA PUBBLIKA: Tkompli toħroġ fid-deher il-problema ta’ nuqqas ta’ infurzar

Il-Ġimgħa kompliet l-Inkjesta Pubblika dwar il-mewta traġika ta’ Jean Paul Sofia, fejn matul is-seduta reġgħet spikkat il-problema tan-nuqqas ta’ infurzar lli teżisti f’siti ta’ kostruzzjoni.

Dan il-fatt qatt ma ħareġ mill-Inkjesta Maġisterjali – propju għaliex ma kienx il-kompitu ta’ dik l-inkjesta li tinvestiga l-operat tal-istituzzjonijiet, u fejn dawn fallew jew qed ifallu.

Fis-seduta tal-Ġimgħa, l-Ombudsman Joseph Zammit McKeon saqsa lil John Vassallo, Chairperson tal-Lands Authority, jekk din l-Awtorità żżommx rendikont ta’ dak kollu li jkun qed jinbena f’Malta, b’Vassallo jwieġeb li huwa impossibbli li jinżamm rendikont ta’ kollox hekk kif il-ħaddiema tagħhom huma limitati. Dan huwa punt ieħor li ħareġ mill-inkjesta pubblika għax hija biss din l-inkjesta li tidħol fid-dettall tan-nuqqasijiet li jeżistu f’dan is-settur. 

Vassallo minn naħa tiegħu qal li l-Lands ma kinitx involuta fit-trasferiment tal-art lil Kurt Buhagiar u Matthew Schembri. Hekk kif jidher li hija l-prassi li l-INDIS ma tgħarrafx lil-Lands dwar trasferimenti ta’ artijiet – b’Charles Deguara jgħid li ma jistax jifhem kif l-INDIS qas biss imqarr tinformahom b’dak li jkun qed iseħħ.

Min-naħa tiegħu ċ-Chairperson Eżekuttiv tal-INDIS Jean Pierre Attard spjega kif maż-żmien din l-awtorità ħadet taħt idejha l-amministrazzjoni ta’ bosta artijiet tal-Gvern.

Hu saħaq li l-INDIS – li tieħu ħsieb iz-zona industrijali ta’ pajjiżna – hija l-amminsitratur tal-artijiet iżda s-sid jibqa’ dejjem il-Gvern.

Fl-awla, Attard preżenta l-kuntratt tal-art f’Kordin li kien sar mal-iżviluppaturi Kurt Buhagiar u Matthew Schembri… bil-Bord tal-INDIS ma kien ra xejn suspettuż f’dan it-trasferiment tal-art.

Jean Pierre Attard stqarr li din kienet l-agħar ġurnata ta’ ħajtu fejn dam sitt sigħat fuq is-sit b’tama li Jean Paul Sofia jinstab ħaj. Stqarr li qed juża l-poter kollu li għandu biex jiżgura li sitwazzjonijiet bħal dawn ma jerġgħux iseħħu.

Din l-Inkjesta Pubblika qed titmexxa mill-Ombudsman Joseph Zammit McKeon flimkien mal-Awditur Ġenerali Charles Deguara u l-Perit Mario Cassar.