Futbol Sport

It-tim nazzjonali tan-nisa llum jiddebutta fin-Nations League kontra l-Latvja

It-tim nazzjonali Malti tan-nisa illum jagħmel id-debutt fil-UEFA Nations League b’logħba kontra l-Latvja li se tintlagħab fi Sloka, lokalità żgħira li tagħmel parti mill-belt ta’ Jurmala li tinsab 25 km bogħod mill-kapitali Riga.

Manuela Tesse kowċ tat-tim nazzjonali tkellmet lejliet il-logħba tal-lum wara nofsinhar. “Mhux faċli li tipprepara għal żewġ logħbiet kompetittivi f’medda ta’ erbat ijiem, imma nemmen fil-plejers u l-preparazzjoni li ssir mal-klabbs rispettivi tagħhom. Fl-aħħar mill-aħħar kollox se jiġi deċiż fil-grawnd, iżda minn dak li rajt fl-erba’ sessjonijiet ta’ taħriġ li għaddew, naħseb li lesti niffaċċjaw il-Latvja.” sostniet Tesse.

It-tim Malti tan-nisa dan l-aħħar iċċelebra l-20 sena anniversarju minn meta ddebutta f’logħba barra minn darhom f’Bukarest kontra r-Rumanija u bħalissa jinsab fil-85 post fir-Rankings tal-FIFA. Is-Sibt li għadda tħabbret skwadra ta’ 22 plejer, bil-Head Coach Tesse tinkludi taħlita tajba ta’ plejers ta’ esperjenza kif ukoll numru ta’ plejers żgħażagħ promettenti. Tesse tenniet li tara futur mill-aqwa għall-players nisa Maltin u kif fis-sena li għaddiet fit-tmun osservat diversi żgħażagħ ta’ talent. Taħt it-tmexxija tagħha, it-tim Malti lagħab erba’ partiti ta’ ħbiberija internazzjonali, b’żewġ rebħiet kontra l-Lussemburgu u oħra kontra l-Estonja. L-unika telfa ġiet kontra Ħaiti, li dan l-aħħar ikkompetew fit-Tazza tad-Dinja tan-Nisa għall-ewwel darba.

Malta lagħbet l-aħħar kontra l-Latvja fl-2017 fl-Aphrodite Cup, bit-tim Latvjan jirbaħ bl-iskor minimu ta’ 1-0. Preċedentement fl-2016, iż-żewġ timijiet iltaqgħu kontra xulxin f’żewġ logħbiet ta’ ħbiberija b’Malta tirbaħ l-ewwel waħda 3-0 u l-oħra tintemm fi draw ta’ 1-1. Tesse irrimarkat li minkejja dawn ir-riżultati pożittivi tal-passat, matul is-snin li għaddew, kemm in-naħa Maltija kif ukoll dik tal-Latvja kibru u nbidlu ħafna, biż-żewġ nazzjonijiet jinvestu fis-settur tal-futbol tan-nisa. “Għandi fidi li jkun xi jkun ir-riżultat, il-plejers se jkunu qed jagħtu l-100% tagħhom fil-grawnd biex iġibu l-ewwel tliet punti minn dan il-konfront.”

Il-format il-ġdid tan-Nations League ġie approvat is-sena li għaddiet, bis-sistema l-ġdida tidħol bħala parti mill-istrateġija tal-futbol tan-nisa tal-UEFA għall-2019-2024. Din se tkun l-ewwel fażi ta’ ċiklu ta’ kompetizzjoni tat-timijiet nazzjonali tan-nisa, bil-fażi l-oħra tkun il-logħbiet ta’ kwalifikazzjoni għall-Kampjonat tan-Nisa tal-UEFA jew it-Tazza tad-Dinja tan-Nisa tal-FIFA. 

Is-sistema l-ġdida se toħloq logħbiet aktar kompetittivi b’timijiet ta’ saħħa simili jiffaċċjaw lil xulxin. Dan jevita riżultati bħal dak li sofriet l-istess Latvia kontra l-Ingilterra waqt partita ta’ kwalifikazzjoni għat-Tazza tad-Dinja tan-Nisa tal-FIFA fejn l-Ingliżi għelbu lill-Latvja 20 – 0. 

Skont Tesse, din hija l-formula t-tajba biex tgħin liż-żgħar tal-futbol jikbru. “Qabel ma kienx possibbli li timijiet żgħar jikkompetu kontra xulxin u joffru oppożizzjoni tajba lill-aqwa għaxar timijiet. Kull darba r-riżultat kien umiljanti u skoraġġanti għat-timijiet l-aktar dgħajfa. Issa l-possibbiltà li tikkompeti kontra nazzjonijiet bl-istess saħħiet u kapaċitajiet hija reali. Dan jagħmel il-kompetizzjoni saħansitra aktar interessanti u importanti għax it-tim jista’ juri fil-grawnd il-valur tiegħu.”