Wara li l-ġimgħa li għaddiet doqna ftit mil-livell tat-timijiet tal-Kampjonat Premier dan l-istaġun, l-ewwel partita mit-tieni ġurnata tkun illejla bejn Sirens u Mosta fis-7pm fis-Centenary Stadium. Minbarra dan il-konfront iżda, fi tmiem il-ġimgħa nsibu aktar logħbiet interessanti u li għandhom ikunu kumbattuti, bħal dawk ta’ għada fl-Istadium Nazzjonali bejn Floriana u Birkirkara u l-partita l-oħra li tintlagħab fit-Tony Bezzina Stadium bejn Balzan u Gżira United.
Sirens vs Mosta | Illum fis-7pm fis-Centenary Stadium
Sirens ta’ Steve D’Amato bdew il-kampjonat b’telfa ta’ 2-0 kontra Valletta, minkejja li t-tim minn San Pawl il-Baħar, partikolarment fl-ewwel taqsima, kellu l-mumenti tiegħu li iżda ma sarrafomx f’gowls. Wieħed jista’ jbassar li meta tikkunsidra l-fatt li dan l-istaġun se jkunu relegati erba’ timijiet, Sirens iridu jibdew jiksbu l-punti minn kmieni sabiex jibqgħu ‘il bogħod kemm jista’ jkun miż-żona l-ħamra. Sirens u l-avversarji Mosta dan l-istaġun għandhom similarità f’dik li hi għażla ta’ barranin, hekk kif it-tnejn jipposedu numru ta’ plejers Afrikani, b’Sirens jagħżlu li jġibu plejers mill-Ghana filwaqt li Mosta, bħalma għamlu għal dawn l-aħħar snin, għandhom il-maġġor parti tal-barranin tagħhom minn Niġerja.
L-aħħar darba li ltaqgħu daż-żewġ timijiet kienu Mosta li ħarġu rebbieħa 2-1.
Hibernians vs Santa Lucia | Għada fis-6pm fit-Tony Bezzina Stadium
Bidu kuntrastanti għal dawn iż-żewġ timijiet ġirien ta’ xulxin hekk kif Hibernians bdew bil-kbir b’rebħa ta’ 4-0 fuq Gżira filwaqt li Santa Lucia sofrew telfa bl-istess skor kontra Floriana. Hibs taħt it-tmexxija tal-eks plejer tagħhom Branko Nisevic jidher li għollew il-livell speċjalment f’dawk li huma barranin kif ukoll bdew mill-ewwel jieħdu l-frott mir-ritorn tal-midfielder Ayrton Attard, li sab ix-xibka fir-ritorn tiegħu mal-klabb wara staġun misluf għand Marsaxlokk. Santa Lucia mistenni jkun tim ieħor li jiġġieled għas-salvezza minkejja li l-iskwdra ssaħħet matul is-suq tat-trasferimenti. Dan id-Derby tan-nofsinhar dejjem kien wieħed interessanti u filfatt, minkejja li Hibernians rebħu l-aħħar żewġ konfronti kontra Santa Lucia, iż-żewġ logħbiet kienu kumbattuti u spiċċaw bi skor identiku ta’ 3-2. Santa Lucia se jkunu mingħajr l-internazzjonali Malti Steve Pisani li fid-debutt tiegħu safa mkeċċi b’karta ħamra diretta.
Floriana vs Birkirkara | Għada fis-6pm fl-Istadium Nazzjonali
Wieħed mill-konfronti mistennija mit-tieni ġurnata huwa bla dubju dak bejn Floriana u Birkirkara, żewġ timijiet li bdew fuq nota pożittiva u tliet punti fl-ewwel ħarġa tagħhom il-ġimgħa li għaddiet. Floriana rrispondew għall-entużjażmu li jeżisti bħalissa fost il-partitarji b’rebħa konvinċenti ta’ 4-0 kontra Santa Lucia. L-ewwel sinjali juru li l-Greens ħadmu tajjeb matul is-sajf u l-fatt li żammew il-bażi li kien hemm u għamlu rtokki biss fejn kellhom bżonn jista’ jkun li sewa’ biex l-iskwadra ssib il-bilanċ meħtieġ. Minn naħa tagħhom l-Istripes komplew fejn ħallew fl-istaġun li għadda bir-rebħ tal-FA Trophy u bdew il-kampjonat b’rebħa, anke jekk minima kontra n-neo promossi Sliema Wanderers. Żgur li Birkirkara għandhom potenzjal li jkunu aktar konvinċenti minn hekk iżda dan il-konfront huwa wieħed mill-iebsin u għalhekk iridu jimmassimizzaw l-abiltajiet tagħhom biex jipprovaw jakkwistaw it-tliet punti minn dan il-konfront.
L-aħħar konfront bejn dawn it-tnejn spiċċa fi draw ta’ mingħajr gowls.
Balzan vs Gżira | Għada fit-8pm fit-Tony Bezzina Stadium
Minkejja li Gżira sofrew telfa daqxejn iebsa kontra Hibernians fl-ewwel logħba, dan il-konfront kontra Balzan jista’ jsarraf f’wieħed interessanti jekk il-Maroons jagħrfu fejn żbaljaw biex sofrew erba’ gowls fl-ewwel ġurnata. Balzan ukoll ħarġu b’idejhom vojta kontra ċ-champions Ħamrun, iżda wieħed seta’ jinnota kemm għandhom difiża soda hekk kif l-attakkanti ta’ Ħamrun ftit ħolqu periklu matul il-logħba għajr il-gowl u azzjoni simili ftit wara mill-istess awtur Jonny. Li hu żgur hu li Balzan iridu jitjiebu fid-dipartiment offensiv hekk kif il-ftit opportunitajiet li kellhom sfaxxaw fix-xejn u ma’ ġewx sfruttati tajjeb. Il-Maroons se jkunu mingħajr il-captain Zach Scerri li tkeċċa b’karta ħamra diretta kontra Hibernians.
Gżira rebħu l-aħħar konfront kontra Balzan l-istaġun li għadda bl-iskor ta’ 2-0.
Naxxar Lions vs Ħamrun Spartans | Għada fit-8:15pm fl-Istadium Nazzjonali
M’għandniex xi ngħidu li l-inqas ħaġa li Naxxar kellhom aptit wara telfa ta’ 5-1 kontra Marsaxlokk hi li fit-tieni logħba jaffrontaw liċ-champions Ħamrun Spartans. Naxxar dehru dgħajfa minn kull aspett kontra Marsaxlokk u trid tkun wirja mill-aqwa minn dan it-tim biex jieħu xi ħaġa minn din il-logħba. Minn naħa l-oħra l-Ispartans se jkunu qed ifittxu li jkunu konvinċenti aktar mill-ewwel logħba, hekk kif l-avversarju huwa bil-wisq inqas qawwi minn dak ta’ Balzan. Ħamrun jippretendu żgur li minn dawn it-tliet logħbiet li ġejjin, kontra Naxxar, Gudja u Sirens, jiksbu punti massimi biex qabel il-waqfa tan-nazzjonal ikunu rebħu l-konfronti kollha.
L-aħħar darba li ltaqgħu Ħamrun u Naxxar kien fl-2018 bil-logħba tispiċċa fi draw ta’ mingħajr gowls.
Sliema Wanderers vs Valletta | Il-Ħadd fis-6pm fit-Tony Bezzina Stadium
Wirja qalbiena kienet dik ta’ Sliema Wanderers kontra Birkirkara fir-ritorn tagħhom fl-ogħla diviżjoni wara staġun fiċ-Challenge League. Il-Blues lagħbu kontra tim aktar preparat minnhom f’dik li hi match fitness minħabba li Birkirkara bdew ħafna qabel minħabba l-impenji fl-Ewropa u għalhekk meta wieħed jikkonsodra li Sliema kellhom il-mumenti tagħhom fil-partita, dan jawgura tajjeb għal dan il-konfront kontra Valletta. Minn naħa tagħhom, it-tim tal-Kapitali se jkunu qed ifittxu tliet punti oħra biex iżommu bidu perfett u r-ritmu bit-tama li dan l-istaġun ikun wieħed pożittiv wara serje ta’ staġuni diżappuntnati.
L-aħħar darba li Vallettta u Sliema lagħbu kontra xulxin kien fl-istaġun 2021/22 bil-Beltin jirbħu ż-żewġ konfronti kontra Sliema dak l-istaġun.
Gudja United vs Marsaxlokk | Il-Ħadd fit-8pm fit-Tony Bezzina Stadium
Il-partita li tagħlaq it-tieni ġurnata tal-Kampjonat Premier hija dik bejn Gudja United u Marsaxlokk. Gudja għadhom qed ifittxu l-ewwel tliet punti tal-istaġun hekk kif fl-ewwel ħarġa tagħhom spiċċaw fi draw ta’ mingħajr gowls kontra Mosta. Gudja huwa wieħed mill-inqas timijiet li għamel akkwisti dan l-istaġun u se jkunu qed jibbażaw fuq ir-ritorn ta’ Gabriel Mensah u l-esperjenza ta’ Matias Muchardi flimkien ma’ plejers żgħażagħ. Il-konfront kontra Marsaxlokk huwa wieħed iebes kemm minħabba l-akkwisti li għamlet l-amministrazzjoi Xlukkajra fis-sajf, kif ukoll meta l-moral tal-iskwadra mmexxija minn Winston Muscat huwa wieħed għoli wara rebħa konvinċenti ta’ 5-1 kontra Naxxar Lions. Fl-aħħar żewġ konfronti Maraxlokk rebħu l-ewwel logħba 2-1 filwaqt li fit-tieni round l-istaġun li għadda l-partita bejn dawn it-tnejn spiċċat fi draw ta’ 1-1.
//= $special ?>