Il-Qorti Kriminali ordnat li kampjun meħud minn mara fil-konfront ta’ żewġha mingħajr il-konnoxxenza tiegħu biex ikun verifikat jekk kienx qed jabbuża mid-droga kokaina jiġi sfilzat u għalhekk ma jkunx parti mill-proċess.
Ir-raġel ta’ 42 sena, residenti Ħal Tarxien, qed jistenna li jgħaddi ġuri akkużat li stupra lil martu waqt li l-koppja kienet għaddejja minn proċeduri ta’ separazzjoni. L-akkużat, li ismu mhux jissemma biex tiġi protetta l-identità tal-vittma u wliedhom qed iwieġeb mhux ħati ta’ akkużi ta’ stupru u diversi avvanzi sesswali mhux mixtieqa fl-2019. Din l-istorja esklussiva kienet pubblikata fil-ġurnal In-Nazzjon fil-ħarġa tal-Ġimgħa, 22 ta’ Settembru.
L-avukat difensur tiegħu Veronique Dalli kienet qalet lill-Qorti li r-raġel u martu kienu fil-proċess li jinfirdu iżda kienu għadhom jgħixu fl-istess dar u jorqdu fl-istess sodda. Id-difiża dejjem saħqet fuq it-teżi li l-koppja baqgħu jorqdu flimkien, u l-laqgħa sesswali li fuqha kien allegat l-istupru kien beda b’kunsens, iżda aktar tard il-mara qalet lill-pulizija li ma xtaqetx tkompli u ppruvat timbotta lir-raġel minn fuqha.
Id-difiża qalet li l-eżamijiet mediċi interni u esterni ma sabu l-ebda marka ta’ taqbida, u li x-xhieda tal-mara kien fiha inkonsistenzi. Wara l-laqgħa sesswali, il-mara xorta waħda kienet marret torqod ħdejn żewġha, qalet id-difiża.
Madankollu, il-prosekuzzjoni, immexxija mill-Ispettur Paula Ciantar, qalet li l-mara ma kienitx tat il-kunsens tagħha biex tagħmel sess mar-raġel fl-ebda stadju, u li kienet qalet le mill-bidu. Il-prosekuzzjoni qalet li l-inċident kien wieħed minn diversi li jmorru lura x-xhur.
Minbarra li qed jiġi akkużat bi stupru, r-raġel qed jiġi akkużat ukoll bil-pussess sempliċi tad-droga kokaina. Din l-akkuża ħarġet in konsegwenza ta’ dak li xehdet l-allegata vittma fejn mingħajr il-kunsens ta’ żewġha ħaditlu kampjun tal-awrina u għamlet test ghand l-Ispiżjar garr tagħha għal ivverifikar ta’ abbuż ta’ sustanzi illeċiti.
Il-Qorti preseduta mill-Imħallef Consuelo Scerri Herrera qablet mal-eċċezzjoni li qajjem l-akkużat li dan il-kampjun ġie meħud minghajr il-kawteli stabbiliti mill-Liġi, kemm ta’ twissija biex dak li jkun, jagħżel iridx jirrilaxxja kampjuni li jistgħu potenzjalment jinkriminawh u anke tal-parir li persuna investigata jkollha dritt tikseb mingħand l-Avukat tagħha qabel ma’ tirrilaxxja kull tip ta’ prova.
Il-kampjun għad-droga ma ttieħidx skont il-liġi
Aktar minn hekk qal li d-difiża u l-Qorti ma’ kellhom ebda kontroll bħala ‘chain of evidence’ fuq dak li għamlet il-mara, bil-kisba, priservar u eventwali stħarriġ ta’ dana l-kampjun. Wieħed irid iżomm f’mohhu x-xenarju ta’ dan il-kaz li meta ttieħed dan is-suppost kampjun il-partijiet kienu fi proċess ta’ separazzjoni u l-parte civile kienet qed tara ma’ xhiex tista ‘tiggranfa’ biex toskura lil żewġha, qalet id-difiża.
Il-Qorti qalet li żgur ma jistax jingħad illi tali kampjun ittieħed bl-awtorizzazjoni tal-akkużat u lanqas ma ttieħed bl-awtoriżżazzjoni ta’ xi Maġistrat. Il-parti ċivili lanqas ma aġixxiet bħala membru tal-Korp tal-Pulizija.
Għaldaqstant, żgur jista’ jingħad illi tali kampjun ma ttiħidx skont il-liġi u għalhekk dan il-kampjun u kull referenza għalih huwa inammissibli u għandu jiħi sfilzat. Jekk il-Qorti tħalli din it-tip ta’ evidenza fl-atti tkun hi stess li tiżgwida l-ġurati għaliex din l-evidenza ttieħdet kontra l-liġi.
Ir-raġel qed jiġi mixli li nhar il-31 ta’ Mejju tas-sena 2019 u fix-xhur ta’ qabel, ġewwa Ħal Tarxien u fi bnadi oħra f’dawn il-Gżejjer, l-akkużat b’diversi atti magħmulin minnu, mingħajr kunsens, ikkommetta konġunġiment karnali, jiġifieri stupru fil-konfront ta’ martu.
Stupraha wara li telaq mill-każin
L-allegata vittma kienet tgħix fl-istess dar mal-akkużat. Il-koppja kienu żżewġu fl-14 ta’ f’Mejju tal-2005 u flimkien għandhom żewġt itfal. L-akkuża tgħid li dak inhar għall-ħabta tal-4:00 am. Ir-raġel wasal lura d-dar mill-każin, u mar fl-istess sodda fejn kien hemm il-vittma rieqda li madanakollu stenbħet malli semgħatu.
L-akkużat ried jagħmel atti sesswali ma’ martu u qalilha diskors relatat mas-sess, fejn hija qaltlu sabiex iħalliha u li kien se jikkumplika l-ħajja għaliex kien jaf li għaddejjin mis-separazzjoni. Hu qalilha li lilha jrid u beda jgħidilha diskors li ħassitu diżpreġġattiv, u bdiet tgħidlu le. L-akkużat kompla jippressa u hi ma ħalliethux u bdiet tipprova tinbuttah għax ried ibusha u hi ma riditx.
Wara neħħilha l-ħwejjeġ mingħajr il-kunsens tagħha, wettaq atti sesswali magħha u spiċċa biex stupraha. L-akkuża tgħid li l-vittma baqgħet tinsisti li ma rieditx tipparteċipa f’dawn l-atti u bdiet tipprova tinbuttah iżda ma kellhiex saħħa biżżejjed sabiex jirnexxilha tagħmel dan u bdiet tibki.
Il-vittma bdiet tgħid lill-akkużat sabiex jieqaf għaliex kien jaf li għalxejn u li hi ma kienet baqgħet tħoss xejn għalih, liema diskors beda jingħad waqt l-istupru. Wara dan kollu r-raġel raqad. Aktar tard dakinhar għall-ħabta tal-10pm il-Pulizija ġewwa l-Għassa tar-Raħal Ġdid ġew infurmati mill-Isptar Mater Dei illi daħlet persuna femminili l-emerġenza tal-Isptar Mater Dei u qaltilhom li iktar kmieni, fis-siegħat bikrin ta’ dakinhar stess, hi kienet ġiet stuprata minn żewġha.
Il-vittma spiċċat Mater Dei
Il-Pulizija aċċedew immedjatament fl-Isptar Mater Dei, fejn ġiet mitkellma l-vittma. Mill-investigazzjonijiet tal-Pulizija irriżulta wkoll li f’Jannar tal-2019 il-vittma kienet diġa’ bdiet proċeduri ta’ separazzjoni minn ma’ żewġha u dawn il-proċeduri ta’ separazzjoni waqqfithom sabiex tagħtih ċans ieħor għaliex huwa kien qalilha li mhux se jiffrekwenta iktar każini tal-banda.
L-ittra ta’ bidu ta’ proċeduri ta’ separazzjoni personali li ntbagħtet f’Jannar tal-2019 kienet intbagħtet mill-vittma fl-indirizz ta’ omm l-akkużat u mal-wasla lura tiegħu fid-dar matrimonjali, kien mar ifferoċjat għall-vittma, u meta kienet fil-kamra tas-sodda, qattgħalha l-piġama u stupra.
Il-vittma ma kinitx irrapportat dak l-inċident mal-ewwel għaliex l-akkużat kien heddidha li jekk kienet se tirraportah bi stupru, huwa kien se jagħmlilha agħar. Akkużat ukoll li f’okkażjoni oħra, f’Marzu tal-2019 f’lejl minnhom, il-vittma ħarġet tfittex lill-akkużat bil-vann tiegħu stess għaliex ma kienx irritorna lura d-dar u qatta lejl sħiħ barra mid-dar.
Filgħodu il-vittma sabet lill-akkużat f’ħanut ġewwa Ħal Luqa, u wara irritorna lura d-dar. Meta mar lura d-dar, il-mara qaltlu sabiex jagħmel l-awrina ġo vażett, u wara marret bih għand spiżjar bil-għan li jivverifika xi drogi kien abbuża minnhom l-akkużat, u l-kampjun irriżulta pożittiv għall-kokaina. Ir-raġel qed jiġi mixli wkoll b’fastidju sesswali fil-konfront ta’ martu. Il-prosekuzzjoni qed titlob li f’każ ta’ ħtija huwa jiġi kundannat bejn tmienja u 40 sena ħabs.
//= $special ?>