Ir-reġim tal-Iran organizza waħda mill-akbar parati għall-anniversarju tal-gwerra tas-snin tmenin mal-Iraq u fejn introduċa numru sinifikanti ta’ missili ballistiċi u ħipersoniċi – minbarra drone speċjali li r-reġim fissru bħala ‘l-aktar drone fid-dinja li jwassal fit-tul’.
Il-gwerra bejn l-Iran u l-Iraq kienet żbruffat fit-22 ta’ Settembru tal-1980 meta l-qawwiet tal-eks Mexxej Iraqi Saddam Hussein invadew l-artijiet tal-Iranjani. Il-konflitt kien wieħed devastanti minn kull aspett ( anki ekonomiku) u rriżulta f’talanqas nofs-miljun mejtin qabel intemm f’Awwissu tal-1988 – bl-ebda naħa ma tiddikjara rebħa fuq l-avversarju.
Il-President Iranjan Ebrahim Raisi fl-aħħar sigħat għamel diskors f’Tehran fejn, filwaqt li fakkar l-anniversarju tal-gwerra mal-Iraq, wassal messaġġ li ‘il-qawwiet Iranjani qed jaċċertaw is-sigurtà fir-reġjun kif ukoll fil-Golf Persjan’. Hu sostna li l-popli tar-reġjun ‘iridu jifhmu anki l-ħtieġa li jirreżistu lil kwalunkwe għadu’ – b’dan il-messaġġ qed jidher immirat primarjament għall-Istati Uniti u l-alleati tal-Punent.
L-Istati Uniti, din il-ġimgħa, imponiet is-sanzjonijiet ġodda relatati mal-Iran u fejn fil-mira hemm diversi entitajiet u persuni f’dak il-pajjiż Iżlamiku, kif ukoll fir-Russja, iċ-Ċina u t-Turkija. Is-sanzjonijiet huma dovuti, speċifikament, għall-iżvilupp tad-drones u inġenji militari oħra min-naħa tal-Iran.
//= $special ?>