Lokali

L-uniku pjan nazzjonali li jeżisti dwar l-indafa huwa dak tal-Partit Nazzjonalista

Kif ilu jipproponi u jitlob biex tidħol fis-seħħ għal dawn l-aħħar erba’ snin, il-Partit Nazzjonalista jilqa’ l-pubblikazzjoni tal-Avviżi Legali 221 u 222 tal-2023 li ġew ippubblikati llum, u li permezz tagħhom il-Kunsilli Lokali se jkollhom id-dritt li jitolbu għall-informazzjoni dwar proprjetajiet li jinkrew għall-btala.

Din hija t-tieni proposta li tressqet mill-Partit Nazzjonalista li l-Gvern laqa’, dan wara li l-Gvern ukoll ikkommetta ruħu li tinħoloq sistema ta’ koordinazzjoni bejn il-Kunsilli Lokali u l-Amministraturi tal-blokok ta’ appartamenti. Madanakollu, din il-proposta s’issa jidher li għadha ma daħlitx fis-seħħ.

Għalkemm dawn huma passi fid-direzzjoni t-tajba, għad jonqos ħafna xi jsir fis-settur tal-indafa u s-saħħa li għandu jkollhom il-Kunsilli Lokali f’dan ir-rigward. Għalhekk, u fl-interess li nsibu soluzzjoni nazzjonali għall-problema dwar l-indafa u l-ġbir tal-iskart f’pajjiżna, il-Partit Nazzjonalista jerġa’ jfakkar uħud mill-proposti li ppubblika fid-dokument “Gvern Lokali ta’ Vera” f’Diċembru li għadda, fejn fost l-oħrajn ipproponejna illi:

  1. Il-Kunsilli Lokali jerġgħu jingħataw lura r-responsabbiltà tal-ġbir tal-iskart;
  2. Tiżdied il-frekwenza tal-ġbir tal-iskart;
  3. Tinħoloq sistema ta’ koordinazzjoni bejn il-Kunsilli Lokali u l-Amministraturi tal-blokok ta’ appartamenti;
  4. Jiġu identifikati hot spots fejn isiru reati ambjentali u jiżdied l-infurzar.

Il-fatt illi l-Gvern miexi fil-passi u l-proposti tal-Partit Nazzjonalista juri kemm l-uniku pjan nazzjonali għas-settur tal-indafa u tal-ġbir tal-iskart li jeżisti, huwa l-pjan tal-Partit Nazzjonalista.

Għalhekk nagħmlu appell biex il-Gvern jimplimenta l-proposti t’hawn fuq imsemmija flimkien mal-proposti kollha fid-dokument Gvern Lokali ta’ Vera, sabiex ma nkomplux naħlu aktar żmien u nindirizzaw il-problemi mill-aktar fis possibbli għall-ġid tal-lokalitajiet tagħna.

Dan kollu joħroġ biċ-ċar għalfejn l-ebda rappreżentant tal-Gvern Laburista ma laqa’ l-istedina għall-dibattitu fuq l-istazzjon nazzjonali dwar is-suġġett tal-iskart nhar l-4 ta’ Settembru 2023.

Dan intqal fi stqarrija minn Darren Carabott, il-Kelliem għall-Oppożizzjoni dwar il-Governanza Lokali u l-Amministrazzjoni Pubblika, u Charles Bonello, il-President tal-KKLPN.