Fi knisja ppakkjata bin-nies, illum ingħatat l-aħħar tislima lill-pumpier tant maħbub Joseph Zammit – funeral li sar fil-Knisja ta’ San Pietru fil-Ktajjen Birżebbuġa.
Zammit tilef ħajtu b’mod l-aktar sfortunat l-Ħadd li għadda waqt li kien qed jassisti ‘grass fire’ fl-inħawi ta’ Pembroke.
Din it-traġedja ġabet magħha dieqa kbira fost il-membri kollha tas-CPD. U titkellem ma’ min titkellem. kulħadd kelma waħda – kollha jfaħħru l-impenn li Zammit dejjem wera f’xogħlu.
Ir-rispett lejn Joseph Zammit deher ukoll b’mod ċar fil-funeral tiegħu, u r-rispett enormi li intwera mill-pumpieri sħabu speċjalment waqt il-korteo ta’ qabel. Bit-tebut jitwassal sal-knisja ta’ Birżebbuġa minn naħa tax-xatt, bis-sehem ta’ waħda mill-vetturi tat-tifi tan-nar tas-CPD.
Apparti minn hekk, il-funeral kien segwit ukoll minn folla numerża fuq barra tal-knisja, filwaqt li bosta nies dehru viżibilment imbikkmin.
Waqt l-omelija fil-quddiesa tal-funeral Dun Anton Galea-Scannura, iddeskriva lil Joseph Zammit bħala raġel li kien iddedikat lejn il-familja u t-tfal, u li kien jagħmel minn kollox sabiex dejjem jarahom bi tbissima fuq wiċċhom.
Huwa qal li Joseph Zammit dejjem poġġa l-ħajja tal-oħrajn qabel tiegħu u dejjem għex il-motto tal-Protezzjoni Ċivili. Dun Galea-Scannura qal li Zammit kien raġel kuraġġuż u fakkar meta waqt xogħlu salva żewġ persuni wara li sabu ruħhom f’diffikultà f’baħar qawwi.
Preżenti għall-funeral kien hemm fost l-oħrajn il-Kap tal-PN Bernard Grech.
Preżenti wkoll il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola u l-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Intern, Joe Giglio.
Matul il-jiem li għaddew diversi persuni li sellmu l-memorja ta’ Joseph Zammit qalu li hu kien ta’ ispirazzjoni kbira kif ukoll li kellu passjoni li żgur se tibqa’ ittimbrata fl-imħuħ tal-kollegi u dawk kollha li kienu jafuh mill-qrib – xi ħaġa li spikkat ukoll fit-tislima li ingħata eżatt malli t-tebut inħareġ mill-knisja ta’ Birżebbuġa.
//= $special ?>