Lokali

Il-poplu jħossu skomdu jiddiskuti t-tema tal-mewt

Il-maġġoranza tal-poplu Malti mhux lest jew ma jħossux komdu li jitkellem dwar il-mewt, waqt li bosta jħossu li soċjeta maltija ma tatikx appoġġ wara l-mewt ta’ persuna qrib tiegħek.

Dan ħareġ minn studju xjentifiku li għamlet il-‘Fakulta’ għat-Tisħiħ tas-Soċjeta” fl-Università ta’ Malta. Studju li sar bejn 400 persuna il fuq minn 18-il sena, ta’ etajiet, ġeneru u demografija differenti, bil-għan li jsiru jafu iżjed fuq l-attitudni tan-nies dwar il-mewt.

Skond dan l-istudju kważi 70% jqisu l-mewt bħala xi ħaġa verament serja, pero sfortunatament bosta jqisu l-mewt bħala xi ħaġa li tilliberahom mill-problemi ta’ din il-ħajja.

B’mod mill-aktar inkwetanti, aktar minn 62% jaqblu li l-mewt iġġib magħha t-tmiem tal-problemi kollha ta’ ħajjithom. Barra minn hekk ftit inqas minn nofs il-parteċipanti jaqblu li l-mewt hija mod kif taħrab minn din id-dinja terribli, waqt li iktar 78% jgħidu li il-mewt issalvak mit-tbatija li tkun għaddej minnha.

Intant dan l-istħarriġ juri wkoll kemm il-fidi kattolika f’pajjiżna għada pjuttost b’ saħħitha hekk kif iktar minn 45% tal-parteċipanti jemmnu li wara li jmutu ser imorru l-Ġenna, waqt li 48% jemmnu li se jmorru f’post fejn ikunu verament sodisfatti u iktar minn nofs ta’ dawk li pparteċipaw f’dan l-istudju jaqblu li wara mewthom ser ikunu qed jiltaqgħu ma dawk il-maħbubin li ħallew din id-dinja qabilhom.

Dan l-istħarriġ juri wkoll li ftit inqas minn nofs tal-parteċipanti ma jħossux biża intensa mill-mewt, madanakollu kważi 60% jaqblu li l-idea tal-mewt tagħhom tqabbadhom sens ta’ ansjeta, waqt li 49% ma jinkwetawx ruħhom dwar l-inċertezzi ta’ wara l-mewt.