Lokali

“Jekk nisrani joqtol jirriżenja l-Papa?” – Michael Falzon ma jridx jerfa’ responsabbiltà politika

“Jekk nisrani joqtol lil xi ħadd jirriżenja l-Papa?”

Hekk sostna l-Ministru Michael Falzon meta waqt intervista ma Andrew Azzopardi fuq l-RTK kien mistoqsi jekk hux se jerfa’ responsabbiltà politika b’rabta mal-iskandlu tal-benefiċċji soċjali.

Michael Falzon ċaħad kategorikament li se jkun qiegħed jagħmel dan u insista li Silvio Grixti diġà refa’ din ir-responsabbiltà.

Mistoqsi jekk hu jew il-Prim Ministru kienx jaf b’dan l-iskandlu qabel l-elezzjoni ġenerali tal-2022, Michael Falzon saħaq li hu mhux se jitkellem għal Robert Abela imma bejniethom jitkellmu, ċioè ma ċaħad qatt li l-Partit Laburista ħeba lill-eletorrat bis-serq li kien qiegħed iġarrab.

Matul l-intervista ħareġ biċ-ċar li l-proċess ta’ evalwazzjoni sabiex jiġu approvati dawn il-benefiċċji huwa mittiefes, b’Andrew Azzopardi jiddeskrivi s-sistema bħala waħda falluta – dan għaliex tal-inqas 800 każ qed jiġi meqjus bħala wieħed suspettuż iżda l-Ministru għoġbu jagħti każ biss l-160 wieħed konfermat bil-Qorti….b’Falzon jisħaq li dan mhux każ ta’ xiri ta’ voti u fl-istess ħin attakka lil min qiegħed jgħid dan.

Fid-dawl ta’ dan kollu intqal li huwa ironiku kif il-Prim Ministru Robert Abela qiegħed jgħid li m’hemm l-ebda involviment tal-Partit Laburista meta allegatament kien l-issa eks Deputat Parlamentari Laburista Silvio Grixti li kien involut direttament.

Intant, mistoqsi dwar kriżi oħra li dan is-sajf spiċċa fiha l-Gvern ta’ Abela minħabba l-imġieba tiegħu – meta fil-Parlament mar kontra l-appelli tal-Partit Nazzjonalista u vvota kontra inkjesta pubblika b’rabta mal-każ ta’ Jean Paul Sofia Michael Falzon saħaq li in hindsight jista’ jgħid ħafna affarijiet imma li kieku ngħata free vote xorta waħda ma kienx jagħti każ l-appelli ta’ omm iż-żagħżugħ Isabelle Bonnici.

Dan filwaqt li meta kien mistoqsi jekk għandux komfort mit-tmexxija ta’ Robert Abela, Michael Falzon sostna li ħadd ma huwa perfett iżda aktar milli kwistjoni ta’ żbalji hija aktar diffikultà li tilħaq l-aspirazzjonijiet ta’ kulħadd.

Dan fid-dawl ta’ sajf mimli turbolenzi fosthom kriżi fil-provvista tal-elettriku, kriżi fl-iskart, fit-traffiku u s-sotenibilità u kriżi fis-saħħa mentali tal-poplu Malti u Għawdxi.