Ir-reazzjoni tad-Deputat Nazzjonalista Justin Schembri u tal-Membri tal-Istaff
Huwa assolutament irresponsabbli li l-amministrazzjoni kollha jitneħħew minn skola jumejn qabel li tingħata bidu għas-sena skolastika l-ġdida.
Sostna dan id-Deputat Nazzjonalista Justin Schembri wara li Net News ġie mgħarraf li l-Iskola Santa Tereża Primary A, f’Santa Venera, spiċċat bit-tmexxija kollha tagħha mneħħija mid-Dipartiment tal-Edukazzjoni…bil-barka tal-Ministeru.
Dan wara li kemm il-Kap tal-Iskola kif ukoll ħames assistenti kapijiet ġew mneħħija u se jkun qed jiġi introdott tim sħiħ ġdid ta’ tmexxija – bil-kakofonija kollha li bidu ta’ sena skolastika ġdida taf iġġib magħha b’mod inevitabbli.
Justin Schembri insista li huwa irresponsabbli li l-Awtoritajiet kompetenti ma ħadu ebda pass neċessarju meta kien hemm bżonn l-intervent tagħhom u minflok…it-tkaxkir tas-saqajn tagħhom issarraf f’deċiżjoni li hemm riskju li l-istudenti kif ukoll l-edukaturi jsofru l-konsegwenzi.
Dan kollu jfisser li l-ġimgħa d-dieħla hemm skola primarja, b’edukaturi u studenti, li se jkunu qed jibdew b’amministrazzjoni ġdida mingħajr ebda forma ta’ handover u paniku inevitabbli – bir-reazzjoni tkun waħda unanima fuq il-midja soċjali mill-ġenituri tal-istudenti.
Intant, Justin Schembri stqarr li huwa irresponsabbli minn naħa tad-Dipartiment tal-Edukazzjoni li ma kkomunikax direttament mal-edukaturi kollha kif ukoll mal-ġenituri b’dak li kien se jiġri ċioè l-konklużjoni tagħhom li ċertament hija fl-interess ta’ dawk kollha li b’xi mod jew ieħor jattendu f’din l-iskola.
Dan filwaqt li sostna li deċiżjoni bħal din żgur li mhux qed tibda tawgura tajjeb għas-sena skolastika l-ġdida.
Intant f’reazzjoni mill-membri tal-istaff tal-iskola intqal li fuq il-midja soċjali fl-aħħar jiem intqalu ħafna allegazzjonijiet fil-konfront tal-iskola u l-kap tal-iskola.
Huma saħqu li l-verita’ hija li dawn l-allegazzjonijet huma kollha foloz u dan jixhduh il-provi konkreti li hemm, kif ukoll in-numru kbir ta’ kummenti u reazzjonijiet f’dawn l-aħħar jiem hekk kif ġew ikkomunikati t-transfers.
B’dispjaċir ninnutaw li l-allegazzjonijiet u artikli li ttellgħu semmgħu biss verżjoni waħda tal-istorja u dan wassal biex intefa’ tajn fuq il-kap tal-iskola u wħud membri tal-SLT.
Il-kap tal-iskola u wħud mill-membri tal-SLT ma kinux l-uniċi li sofrew abbuż min-naħa tal-għalliema permezz tal-azzjonijiet u l-aġir tagħha. It-tfal fil-klassi wkoll sfaw vittmi ta’ dan l-aġir.
Diversi membri tal-istaff kienu ilhom sena sħiħa jikkumbattu ma’ din l-għalliema. U dan qed jixhduh pubblikament il-ġenituri stess.
Fil-fatt ilhom minn Jannar jintbagħtu ittri u jintalbu laqgħat ma’ diversi nies fid-Dipartiment biex jittieħdu passi fuq din il-problema – dan sar kemm mill-membri tal-istaff kif ukoll mill-ġenituri.
Għalhekk spjegaw li għażlu li jieħdu dan il-pass biex kulħadd ikun jaf il-verita’.
Ġie spjegat ukoll li huma jridu jagħmluha ċara li huma jilqgħu b’idejna miftuħin lill-membri l-ġodda tal-amministrazzjoni, filwaqt li jgħożżu l-memorji tat-tmexxija li kienet ilha hemm għal dawn l-aħħar 5 snin.
//= $special ?>