Raġel minn Ħal Tarxien li allegatament aggredixxa u mbagħad qafel lis-sieħba tiegħu wara argument fuq messaġġ minn fuq il-mobile li ġie ‘deleted’, il-Ħadd tressaq il-Qorti u nżamm arrestat. Fil-Qorti ħareġ li l-argument inqala’ għall-ħabta tas-sagħtejn ta’ filgħodu tal-Ġimgħa meta r-raġel, Tyler Camilleri ta’ 24 sena, ried ikun jaf x’hemm wara messaġġ fuq Facebook li rċiviet is-sieħba tiegħu u mħassar minn min kien qed jibgħatu.
Hija kienet ippruvat tispjega li dak li kien bagħtilha l-messaġġ kien sempliċi ‘friend’ tagħha fuq Facebook u l-messaġġ ma kien fih xejn ħażin. Iżda l-affarijiet eskalaw u l-mara allegatament ġiet imsawwta fuq wiċċha u rasha, u sofriet ġrieħi ħfief. Imbagħad spiċċat magħluqa għal sigħat f’dar fiż-Żejtun li kienet taqsam mas-sieħeb tagħha.
Il-mara, li isimha ma jistax jiġi ppubblikat b’ordni tal-qorti, irnexxielha tikkuntattja lil ommha u ġiet salvata mis-sieħeb ta’ ommha, li tela’ minn fuq ħajt biex jikseb aċċess għad-dar msakkra. Imbagħad il-mara ġiet eżaminata fiċ-ċentru tas-saħħa ta’ Raħal Ġdid.
Waqt li kienet hemm is-sieħeb tagħha tfaċċa u pprova jasal għandha billi qal lill-uffiċjal tas-sigurtà li kien ħuha, iżda ommha qalet lill-uffiċjal li bintha ma kellha l-ebda aħwa. Imbagħad sar rapport lill-pulizija. Camilleri ġie mixli li weġġa’ lis-sieħba tiegħu, li żammha kontra r-rieda u l-volontà tagħha u li kkaġunaha biża mill-vjolenza. Huwa kien akkużat ukoll li kiser il-kundizzjonijiet ta’ ordni ta’ probation u li kien reċediv. Huwa wieġeb mhux ħati.
Il-prosekuzzjoni oġġezzjonat għal talba għall-ħelsien mill-arrest fid-dawl tar-record tal-akkużat, u qalet li ma jistax jiġi fdat, il-Prosekuturi rrimarkaw ukoll is-serjetà tal-każ u l-fatt li xhieda ċivili għad iridu jixhdu. Id-difiża sostniet li x-xhieda kellhom jiġu ppreżentati immedjatament, u rrimarkat li sa xi żmien ilu, każijiet bħal dawn kienu jiġu konklużi f’seduta waħda.
Issa persuna b’impjieg sod li kellha bżonn tappoġġja lill-familja tagħha spiċċat kellha tgħaddi minn proċess twil. Ġie rrimarkat ukoll li l-akkużat kien sofra ferita permezz ta’ sikkina mill-allegata vittma. Il-Maġistrat Gianella Camilleri Busuttil irrifjutat il-libertà proviżorja iżda ordnat lill-prosekuzzjoni biex tipproduċi x-xhieda tagħha fis-seduta li jmiss.
Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Audrey Micallef. L-avukati Franco Debono u Marion Camilleri dehru għall-akkużat.