“Għall-Partit Nazzjonalista l-poplu huwa fiċ-ċentru tal-politika. Il-mument li inti tkun aħjar il-poplu jkun aħjar u l-familja tkun aħjar, pajjiżna jkun aħjar u int jkollok ħajja aħjar f’pajjiżna.”
Dan sostnieh il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech waqt intervista li saritlu l-Ħadd filgħodu fuq il-programm Analiżi.
Waqt l-intervista Bernard Grech tkellem dwar diversi temi fosthom l-għoli tal-ħajja, is-serq tal-benefiċċji soċjali, il-każ ta’ Vitals u Steward kif ukoll il-bini li qed jiżdied bla rażan f’pajjiżna.
Bernard Grech qal li matul din il-ġimgħa waqt l-attivitajiet tal-Indipendenza l-Partit Nazzjonalista kompla jnissel t-tama f’dawk in-nies li qed iħossu l-pajjiż sejjer lura. Huwa saħaq li t-tama trid twassala wkoll bil-ħidma, bil-fatti u bid-deċiżjonijiet u mhux biss bid-diskorsi.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista saħaq li l-Gvern ta’ Robert Abela huwa Gvern bla pjan; Gvern li twieled fl-iskandli u fil-frodi. Spiċċajna f’pajjiż fejn l-ilmenti qed jaqgħu fuq widnejn torox. Huwa sostna li l-mument li pajjiżna ma jibqax ġust ikun hawn żbilanċ kbir fejn l-ekonomija qed tkompli tkabbar is-sinjur filwaqt li qed tkompli tgħakkes liż-żgħir.
Bernard Grech aċċenna li l-Partit Nazzjonalista se jkompli bil-ħidma sabiex ikollna pajjiż ġust dan għaliex mhuwiex aċċettabbli li hawn persuni li qed jieħdu benefiċċji li mhumiex intitolati għalihom. Hawnhekk, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista fakkar li Robert Abela kien ilu jaf bis-serq tal-benefiċċji soċjali għal sentejn sħaħ iżda żammha sigrieta mill-pubbliku.
Waqt l-intervista Bernard Grech fakkar fil-proposti tal-Partit Nazzjonalista fejn ikollna ekonomija iktar magħfusa fuq il-kwalità u mhux kwantità kif ukoll li jkollna ambjent nadif dan hekk kif l-ambjent jaffettwa l-kwalità tal-ħajja.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li l-poplu se jkun fiċ-ċentru tal-politika tiegħu sabiex ikollu ħajja aħjar f’pajjiżna.
//= $special ?>